Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Monitoring Highlights

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), bħala l-Mekkaniżmu Indipendenti tal-UNCRPD, għandha r-rwol li tipproteġi, tippromwovi u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

L-UNCRPD and DET Unit iwettaq ħidma fir-rigward tal-moniteraġġ tal- implimentazzjoni tal UNCRPD f’Malta.  Il-moniteraġġ huwa bbażat ukoll fuq il-Concluding Observations tal-Kumita tal-UNCRPD maħruġ f’Settembru 2018, wara l-ewwel sessjoni ta’ grilling li kellha Malta dwar l-implimentazzjoni tal-UNCRPD.

Bħala parti mix-xogħol tiegħu, dan l-Unit jikkonsulta wkoll ma’ persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, prinċipalment permezz ta’ laqgħat u stħarriġ li jintbagħat lill-NGOs, lid-DPOs u lill-persuni reġistrati mas-CRPD, kif ukoll laqgħat mal-Kumitat Konsultattiv tal-Persuni b’Diżabilità Intellettwali tas-CRPD.Dan l-Unit ħadem fuq il-moniteraġġ ta’ diversi artikli tal-UNCRPD fl-2019. Dan jinkludi l-Artiklu 13 tal-UNCRPD – Aċċess għall-Ġustizzja, fejn sar stħarriġ qasir biex jinġabar rispons minn NGOs, DPOs u persuni b’diżabilità rigward is-sitwazzjoni attwali fl-Aċċess għall-Ġustizzja.

Barra minn hekk ġew organizzati l-avvenimenti u l-inizjattivi li ġejjin:

  • 27 ta’ Frar 2019 – Laqgħa ma’ NGOs u DPOs biex jiġi diskuss ir-rispons li nġabar kif ukoll l-esperjenzi ta’ persuni b’diżabilità għas-sistema ġudizzjarja. Din il-laqgħa tmexxiet minn kelliem barrani, Barrister John Horan.
  • 28 Frar 2019 (1-2pm) – Seminar dwar il-perspettivi tal-UE tal-UNCRPD minn Barrister John Horan. Dan is-Seminar kien miżmum fit-training room talQrati ta’ Malta u kien immirat lejn avukati u persuni oħrajn li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità.
  • 28 ta’ Frar 2019 (2-4pm) – Taħriġ għall-Membri tal-Ġudikatura. Dan it-taħriġ ingħata minn Mr Christian Camilleri (CRPD), Dr Alistair De Gaetano (MFCS) u Barrister John Horan. Matul it-taħriġ ġew diskussi u spjegati sfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom persuni b’diżabilità fl-aċċess għas-sistema ġudizzjarja.

Ingħata wkoll Taħriġ dwar l-Ugwaljanza fid-Diżabilità lill-uffiċjali tal-Pulizija bħala parti mill Continuous Professional Development u għal rekluti ġodda fil-Local Enforcement System Agency (LESA), kif ukoll impjegati li jaħdmu fil-Qrati ta’ Malta.

L-UNCRPD and DET Unit għamel ukoll ħidma fuq il-moniteraġġ tal-Artiklu 19 tal-UNCRPD – Għajxien Indipendenti u inklużjoni fil-komunità. Minn Settembru 2019, dan l-Unit beda jaħdem ukoll fuq evalwazzjoni minn dawk li jużaw is-servizz tad-djar residenzjali li għandha l-Aġenzija Sapport, billi jsiru intervisti mar-residenti u mal-Leaders tad-djar residenzjali tal-Aġenzija. Dawn l-intervisti kellhom jieqfu minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19, imma ser jitkomplew ladarba jkun possibli. F’Diċembru 2019, saret ukoll laqgħa mal-membri tal-Kumitat Konsultattiv tal-Persuni b’Diżabilità Intelletwali tas-CRPD dwar l-Artiklu 19 tal-UNCRPD – Għajxien Indipendenti. Il-minuti u l-punti ewlenin tal-laqgħa ntbagħtu wkoll lill-Aġenzija Sapport, kif ukoll intbagħtet talba għalstatistika b’rabta mal-listi ta’ stennija għad-djar residenzjali.

B’referenza għall-Artiklu 11 tal-UNCRPD – Sitwazzjonijiet ta’ riskju u emerġenzi umanitarji, sar stħarriġ qasir u żewġ laqgħat ma’ persuni b’diżabilità, NGOs u DPOs biex tinġabar informazzjoni dwar l-aċċessibilità tas-servizzi ta’ emerġenza nazzjonali u l-app 112MT. Dan ir-rispons ġie pprovdut lil rappreżentanti mill-Ministeru għall-Affarijiet Interni u Sigurtà Nazzjonali li kienu preżenti matul il-laqgħat, biex tittejjeb l-aċċessibilità tal-app 112MT li se tiġi mnedija fi Frar 2020.

F’Ġunju 2019 sar stħarriġ ieħor qasir dwar l-Artiklu 28 tal-UNCRPD (Standard adegwat tal-għajxien u protezzjoni soċjali), u l-aċċess minn persuni b’diżabilitajiet għall-programmi ta’ akkomodazzjoni pubblika.  L-istħarriġ intbagħat lil NGOs, DPOs u organizzazzjonijiet oħra fis-settur tad-diżabilità, kif ukoll lill-persuni reġistrati mas-CRPD. Saret ukoll laqgħa mal-Kumitat Konsultattiv tal-Persuni b’Diżabilità tas-CRPD. Ir-rapport tal-istħarriġ kien ippreżentat lir rappreżentanti mill-Awtorità tad-Djar. Fl-2019 ġie ffirmat ukoll Memorandum of Understanding bejn is-CRPD u l-Awtorità tad-Djar, u twaqqaf grupp ta’ ħidma biex jirrevedi policies attwali adottati mill-Iskemi tal-Awtorità tad-Djar u biex isir Taħriġ għall-Ugwaljanza fid-Diżabilità lill-impjegati tal-Awtorità tad-Djar. Ir-reviżjonijiet proposti għall-iskema tad-diżabilita’ tal-Awtorita’ tad-Djar ġew approvati f’Novembru 2019.

Ġew organizzati wkoll laqgħat oħra mal-Kummissarju għat-Tfal u l-Aġenzija Sapport biex jiddiskutu u jimmoniterjaw is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ Artiklu 7 tal-UNCRPD – Tfal b’Diżabilitajiet. Saret ukoll laqgħa oħra mal-Aġenzija Żgħażagħ u l-kwistjoni ta’ protezzjoni żejda tat-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabilità kienet evidenti ħafna. B’riżultat ta’ dan, ġiet organizzata konferenza dwar dan is-suġġett fid-19 ta’ Ottubru 2019, bl-isem ta’ Protect and Let Go, u saret fil-Fakultà tal-ICT, fl-Università ta’ Malta. It-tema diskussa kienet il-protezzjoni (żejda) ta’ persuni b’diżabilità mill-ġenituri/kustodji tagħhom. Il-konferenza ġiet organizzata mis-CRPD b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment talIstudji dwar id-Diżabilità, Fakultà għalBenesseri Soċjali fl-Università ta’ Malta.