Il-Kummissjoni toffri EU Disability Card lil persuni b’diżabilità sabiex tgħinhom ikollhom rwol attiv fis-soċjetà. Detentur tal-EU Disability Card jistà japplika għal numru ta’ servizzi mmirati għal persuni b’diżabilità fi ħdan dipartimenti tal-Gvern jew stabbilimenti privati.
Min hu eliġibbli għal EU Disability Card?
- persuni b’diżabilità kif definiti mill-Att dwar is-Sigurtà Soċjali 1987 kif emendat;
- persuni b’nuqqas ta’ smigħ permanenti sa grad ta’ mhux inqas minn 70 decibel jew li jużaw hearing aid regolarment;
- persuni li għandhom paraliżi totali permanenti jew funzjoni ħażina, serja u totali ta’ driegħ jew riġel wieħed;
- persuni li għandhom problemi psikoloġiċi severi li jikkawżaw diżabilità.
Applika għall-EU Disability Card
Tista’ tapplika għall-EU Disability Card permezz ta’ dawn iż-żewġ metodi:
- Onlajn.
- Jew billi tniżżel u timla dawn il-paġni mandatorji tal-Applikazzjoni;
Paġna (2) Dettalji tal-klijent
Paġna (3) Tabib (ċertifikat mediku – importanti ħafna li jkun jinkludi l-firma u t-timbru tat-Tabib)
Paġna (4) EU Disability Card
Importanti tinnota wkoll li għandek bżonn ta’ ritratt wieħed (1) tal-passaport ċertifikat fuq in-naħa ta’ wara u ppreżenta kollox fl-uffiċċji tas-CRPD.
Benefiċċji għad-detenturi tal-karta tal-EU Disability Card
L-applikanti tal-EU Disability Card huma elenkati f’Reġistru ta’ Persuni b’Diżabilità li jinżamm mis-CRPD u magħżul skond il-lokalità, is-sess, l-età u kategoriji differenti ta’ diżabilità u sakemm ma jixtiqux xort’oħra, huma infurmati bil-ħidma tas-CRPD permezz tan-newsletter Indaqs (Equal) li s-CRPD tippubblika darbtejn fis-sena u permezz ta’ informazzjoni oħra mibgħuta mis-CRPD minn żmien għal żmien.
Persuna fil-pussess tal-EU Disability Card hija intitolata għall-benefiċċji li ġejjin:
- Trasport pubbliku b’xejn mill-Awtorità tat-Trasport Pubbliku
- Vjaġġi bla ħlas fuq il-vapur ta’ Għawdex
- Servizz ta’ trasport b’xejn lejn u minn sptarijiet tal-istat (bl-appuntament)
- Entratura b’xejn għal attivitajiet organizzati minn:
– Aquatic Sports Association
– Trade Fair Corporation
– Malta Football Association (għal dawk li jużaw siġġu tar-roti)
– Malta Basketball Association
– Marsa Racing Club - Prezzijiet imnaqqsa għal attivitajiet organizzati minn:
– Manoel Theatre
– Malta Football Association
– National Pool, Tal-Qroqq
Permezz tal-EU Disability Card tista’ tibbenefika wkoll minn skontijiet mingħand diversi organizzazzjonijiet. Ara l-lista kompluta hawn.
Skadenza u tiġdid tal-EU Disability Card
L-EU Disability Card normalment tinħareġ għal perjodu ta’ għaxar snin għall-adulti. Għat-tfal, il-perjodu ta’ validità huwa iqsar. Huwa importanti li tiġġedded l-EU Disability Card peress li l-cards skaduti huma invalidi.
It-tiġdid ta’ dawn id-dokumenti huwa r-responsabbiltà tad-detentur.
L-individwi kollha li jagħmlu użu mill-EU Disability Card huma ġentilment avżati biex jieħdu azzjoni u jġeddu d-dokumenti rilevanti ġimagħtejn (2) qabel id-data ta’ skadenza.
Għal aktar informazzjoni dwar l-EU Disability Card tista’ tidħol fil-website jew tibgħat email fuq [email protected].