Blue Badge
Blue Badge - Permess biex tipparkja f'postijiet riservati
Il-Blue Badge huwa dokument legali tal-Kummissarju tal-Pulizija u jinħareġ fuq ir- rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità lil persuni li huma intitolati għall-EU Disability Card, u li għandhom mobilità severa, permanenti jew temporanja.
Min hu Eliġibbli għal Blue Badge?
- Nies b’diżabilità tal-vista permanenti, li ma taqbiżx 6/60 fl-aħjar għajn, jew li għandhom limitazzjoni viżiva li ma tħallihomx jaraw minn angolu ta’ mill-inqas 20 grad (viżjoni tal-mina) u li jużaw karozza fuq bażi regolari.
- Persuni li għandhom diżabilità severa permanenti u li jsuqu karozza regolarment.
- Persuni li għandhom diżabilità fiżika permanenti u severa li ma tħallihomx jimxu jew li jagħmlu dan b’diffikultà kbira jew għal dawk li kwalunkwe sforz biex jimxu jkun ta’ detriment għal ħajjithom minħabba d-diżabilità tagħhom u li jagħmlu użu minn karozza fuq bażi regolari.
- Persuni b’diżabilità mentali severa jew li juru mġiba diffiċli severa u li jeħtieġu assistenza u/jew sorveljanza frekwenti matul il-ġurnata u l-lejl u li jagħmlu użu minn karozza fuq bażi regolari.
Applika għall-Blue Badge
Tista’ tapplika għall-Blue Badge permezz ta’ dawn iż-żewġ metodi:
- Onlajn
– Applikazzjoni ta’ Tiġdid - Jew billi tniżżel u timla dawn il-paġni mandatorji tal-Applikazzjoni;
Paġna (2) Dettalji u firma tal-klijent
Paġna (3) Tabib (ċertifikat mediku – importanti ħafna li jkun jinkludi l-firma u t-timbru tat-Tabib)
Paġna (4) Blue Badge – importanti li tiffirma fl-ispazju pprovdut
Importanti tinnota wkoll li meta tapplika għandek bżonn ta’ ritratt wieħed (1) tal-passaport ċertifikat fuq in-naħa ta’ wara , u li hemm tariffa amministrattiva ta’ €11.50 li ma tingħatax lura, meta tapplika għall-ewwel darba (Applikazzjoni Ġdida). Ippreżenta kollox fl-uffiċċji tas-CRPD.
Benefiċċji tal-Blue Badge
Dawk il-persuni li għandhom il-Blue Badge huma intitolati li jkollhom il-vettura li jivvjaġġaw fiha eliġibbli li tipparkja f’postijiet pubbliċi riservati għal persuni b’diżabilità. Il-Badge Blue trid titqiegħed b’mod prominenti mal-windskrin.
L-Istati Membri kollha tal-UE għandhom Blue Badges identiċi u jistgħu jintużaw f’dawn il-pajjiżi kollha u viċeversa.
Skadenza u Tiġdid tal-Blue Badge
It-tiġdid ta’ dawn id-dokumenti huwa r-responsabbiltà tad-detentur.
L-individwi kollha li jagħmlu użu mill-Blue Badge huma ġentilment avżati biex jieħdu azzjoni u jġeddu d-dokumenti rilevanti mill-inqas tliet/erba’ (3/4) ġimgħat qabel id-data ta’ skadenza.
Jekk l-informazzjoni miktuba fuq il-Blue Badge ma tibqax tidher ċar, id-detentur għandu jikkuntattja lis-CRPD u jitlob li din tiġi sostitwita.
Jekk il-Blue Badge tintilef, id-detentur għandu jippreżenta rapport tal-Pulizija lis-CRPD biex tinħareġ card ġdida.
NOTA: Id-dokumenti inkwistjoni huma dokumenti legali u għalhekk, fil-każ ta’ mewt tas-sidien, id-dokument għandu jiġi ritornat minnufih lis-CRPD.
Jekk dan ma jsirx, jinħareġ avviż mis-CRPD u wara ssir talba lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiġborha.
Għal iktar informazzjoni tista’ tibgħat email fuq services@crpd.org.mt.