Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Rapporti ta' Aċċessibilità

42 ħanut kummerċjali biss minn total ta’ 334 ħanut fuq is-seafront tal-Gżira/Tas-Sliema huma fiżikament aċċessibbli

42 ħanut kummerċjali biss minn total ta’ 334 ħanut fuq is-seafront tal-Gżira/Tas-Sliema huma fiżikament aċċessibbli, skont rapport ġdid maħruġ mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD).

Wara lmenti dwar l-aċċessibilità fiżika, uffiċjali mill-Kummissjoni wettqu spezzjonijiet fuq il-post fil-ħwienet kummerċjali kollha li jinsabu fuq is-seafront tal-Gżira u Tas-Sliema bejn Novembru tas-sena l-oħra u April ta’ din is-sena.

Iċ-ċifri jitkellmu weħidhom. Minn total ta’ 334 ħanut kummerċjali, 292 ħanut mhumiex konformi mal-Linji Gwida tad-Disinn tal-Aċċess għal Kulħadd tal-2011 (AADG 2011) maħruġa mill-Kummissjoni. Minn dawn, 15-il ħanut joffru alternattiva filwaqt li fil-każ ta’ 18-il ħanut ieħor, kienu għaddejjin xogħlijiet fil-ħin tal-ispezzjonijiet.

Ħarsa aktar mill-qrib turi l-figuri li ġejjin. 187 ħanut jeħtieġu biss l-istallazzjoni ta’ rampa temporanja biex isiru aċċessibbli. 55 jeħtieġu l-implimentazzjoni ta’ xogħlijiet minuri bħal alterazzjonijiet fil-bieb prinċipali filwaqt li 11 jirrikjedu xogħlijiet kbar bħall-istallazzjoni ta’ lift tal-passiġġieri.

Ir-rapport isegwi wieħed simili li sar is-sena l-oħra fil-Belt Valletta, li ħareġ stampa simili. Spezzjonijiet fil-post imwettqa fi Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti bejn Ġunju u Lulju tas-sena li għaddiet urew li, minn total ta’ 375 ħanut kummerċjali, 31 ħanut biss jikkonformaw mal-AADG 2011 filwaqt li 344 ħanut ma kinux.

Minn dawn, 278 ħanut jeħtieġu biss l-istallazzjoni ta’ rampa temporanja filwaqt li 32 jeħtieġu l-implimentazzjoni ta’ xogħlijiet minuri u 9 jeħtieġu xogħlijiet kbar.

Ir-rapporti jinkludu ritratti tal-entraturi tal-ħwienet kollha, b’qisien dettaljati.

Hemm 19,261 persuni b’diżabilità reġistrati mal-Kummissjoni u 14,827 minn dawn għandhom nuqqas fiżiku. Madankollu, l-aċċessibilità fiżika tibqa’ ostaklu kbir f’Malta.

Persuni b’diżabilità huma konsumaturi, employers u impjegati; dawk in-negozji li jagħżlu li jibqgħu mhux aċċessibbli qed jitilfu sezzjoni tal-klijentela potenzjali tagħhom.

Ġew imħabbra formalment l-Istandards tal-Aċċessibilità għal kulħadd fir-Regolamenti dwar l-Ambjent Mibni f’Awwissu ta’ 2019. L-istandards kienu Standards Nazzjonali Maltin adottati mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur li daħlu fis-seħħ wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż fl-10 t’April 2015, iżda issa huma trasposti direttament fil-liġi Maltija.

Sadanittant, il-Malta Business Disability Forum, pjattaforma ppreseduta mis-CRPD u komposta minn rappreżentanti mis-setturi tad-diżabilità, l-impjiegi u s-soċjetà ċivili, ilha tiddiskuti r-rapporti u dalwaqt se tippreżenta proposti dwar kif tiżdied l-aċċessibilità fiżika fin-negozji.