Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Gwida u Appoġġ

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) hija l-korp regolatorju nazzjonali għad-diżabilità f’Malta u Għawdex. Ir-rwol ewlieni tagħha huwa li tħares id-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni b’diżabilità; dan jinkludi li titqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet marbuta mad-diżabilità.

Il-missjoni tagħna hi li nkunu l-vuċi ta’ persuni b’diżabilità fil-livelli kollha tas-soċjetà: aċċessibilità, edukazzjoni, impjieg u l-aspetti l-oħra kollha tal-ħajja.

Is-soċjetà mxiet triq twila minn dak iż-żmien meta d-diżabilità kienet meqjusa bħala tabù. Illum il-ġurnata persuni b’diżabilità mhumiex sodisfatti bid-drittijiet bażiċi: iridu jirnexxu fl-edukazzjoni, isibu xogħol u jkollhom karriera sodisfaċenti, jgħixu b’mod indipendenti, jibnu familja, igawdu l-ħajja u jkunu awtonomi.

Parzjalment dan huwa dovut għad-diversi gvernijiet li daħħlu fis-seħħ diversi liġijiet u policies, bħall-Att dwar Opportunitajiet Indaqs u l-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Malta rratifikat u ffirmat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) fit-12 ta’ Novembru 2012.

Iżda huma wkoll l-aspettattivi dejjem jikbru tal-persuni b’diżabilità li taw spinta għall-bidla. Ir-rwol tagħna huwa li niżguraw li aktar u aktar persuni b’diżabilità jingħataw opportunitajiet indaqs biex jgħixu l-ħajja li jixtiequ jgħaddu.

Servizzi u skemi għas-settur tad-diżabilità huma provduti mill-Aġenzija Sapport.

 

Jekk int jew it-tifel/tifla tiegħek twelidtu b’diżabilità jew għadkom kemm ġejtu mgħarrfa li għandkom diżabilità, nissuġġerixxu li tagħmel kuntatt mal-NGOs jew Assoċjazzjonijiet relatati miegħek jew il-kundizzjoni tat-tifel/tifla tiegħek. Dawn huma disponibbli fuq il-paġna ‘Links Utli’. Hemmhekk tiltaqa’ ma’ persuni li għandhom l-istess kundizzjoni tiegħek jew kundizzjoni simili u li jkunu jistgħu joffru għajnuna u gwida speċifika.

Jekk tħoss li ġejt diskriminat/a fuq il-bażi tad-diżabilità tiegħek, il-Kummissjoni tista’ tgħin b’żewġ modi: billi tinvestiga l-ilmenti mressqa mat-tim ta’ investigazzjoni tagħha u billi tipprovdi gwida u pariri lil persuni li jitolbuha.

 

Il-helpdesk tal-Kummissjoni tipprovdi wkoll għajnuna ġenerali lil persuni li jitolbu informazzjoni dwar is-settur tad-diżabilità.

 

Tista’ wkoll tabbona għall-mailing list tagħna u ssegwi l-paġni tal-midja soċjali tagħna biex tibqa’ f’kuntatt mal-aħħar aħbarijiet dwar is-settur tad-diżabilità f’Malta.

 

Irreferi għall-paġna Pubblikazzjonijiet biex tara l-pubblikazzjonijiet tas-CRPD.

COVID-19 u persuni b’diżabilità

Dan huwa żmien ta’ sfida kbira għal kulħadd, partikolarment għal persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Il-Kummissjoni ilha taħdem ħafna biex tiżgura li l-persuni kollha b’diżabilità jiġu inklużi fil-policies u d-deċiżjonijiet meħuda b’rabta mal-pandemija COVID-19. Żur is-sezzjoni COVID-19 tagħna.