Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Baġit 2022

Published 12 ta' Ottubru 2021

Reazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità għal Baġit 2022

Photo showing joined hands of a wheelchair user

Fost id-diversi setturi, Baġit 2022 jinkludi numru ta’ miżuri li jolqtu lil persuni b’diżabilità. Miżuri bħal dik tal-vawċers għal Occupational Therapy, tijtib fl-iskema dwar eżenzjonijiet/traħħis relatati ma’ vetturi għal persuni b’diżabilità, tneħħija tat-test tal-mezzi tad-dħul fl-assistenza għal diżabilità severa, u żidiet fl-allowances għal tfal b’diżabilità jew familjari li jieħdu ħsieb adulti b’diżabilità huma fost id-diversi miżuri meħuda sabiex il-ħajja tal-persuni b’diżabilità tkompli titjieb.

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità kellha rwol importanti sabiex dawn il-proposti tressqu ’l quddiem u ġew aċċettati bħala miżuri għal Baġit 2022. Dawn il-miżuri irid ikollhom l-iskop aħħari li jwasslu għal għixien indipendenti. Irridu nkomplu nippromovu l-idea li persuni b’diżabilità jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità li jagħżlu huma, jekk inwaqqgħu l-ostakkoli soċjali u ekonomiċi u f’każijiet oħrajn jekk jingħataw l-għajnuniet neċessarji.

Bħala soċjetà baqalna ħafna x’naħdmu biex kull persuna tkun stmata b’mod ekwu u rispettata bħala persuna sħiħa. L-impenn tal-Gvern f’dan ir-rigward għandu jkun rifless fl-implimentazzjoni ta’ miżuri li m’humiex speċifikament għas-settur tad-diżabilità, iżda li jkunu disinjati b’mod universali u li jassiguraw l-aċċessibilità għal kulħadd.

Intant dawn il-miżuri u oħrajn huma msejsa fl-Istrateġija Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità 2021 – 2030. Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità kommessa li tkompli tħares l-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija u l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.