Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Rapport Annwali tas-CRPD 2020

Published 04 ta' Awwissu 2021

Photo of books (CRPD Annual Reports 2020)

Aktar kmieni llum, il-Kummissarju u d-Diretturi ppreżentaw ir-Rapport Annwali tas-CRPD għall-2020 lill-Ministru l-Onor. Julia Farrugia Portelli.

L-2020 kienet is-sena ta’ COVID-19, meta persuni b’diżabilità kienu affettwati mhux biss mill-pandemija nnifisha imma iktar u iktar mill-impatt soċjali u ekonomiku li jirriżulta minn miżuri restrittivi stabbiliti biex jikkontrollaw it-tixrid tagħha.

Dan huwa rifless fir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) għall-2020 li juri li għalkemm din kienet sena ta’ sfida, kienet ukoll waħda importanti, meta r-rwol tal-Kummissjoni li tħares id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità kienet kruċjali, forsi iktar minn qatt qabel.

Ir-Rapport, li ġie ppreżentat lill-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli mill-Kummissarju tas-CRPD Samantha Pace Gasan, jipprovdi stampa komprensiva tax-xogħol imwettaq mill-Kummissjoni matul l-2020: minn statistika u studji ta’ każijiet tal-investigazzjonijiet dwar ilmenti relatati ma’ diżabilità li ġew reġistrati mill-Investigations Unit tal-Kummissjoni għax-xogħol fuq l-ippjanar u l-permessi mwettaq mit-tim tal-Compliance.

Wara ħarsa lejn kull sezzjoni, ir-Rapport juri wkoll kif il-Kummissjoni ħadmet biex tiżgura li s-settur tad-diżabilità kien inkluż f’kull deċiżjoni politika matul il-pandemija COVID-19. F’April twaqqfet taskforce dwar id-diżabilità biex taħdem fuq il-monitoraġġ u l-isfida ta’ policies u strateġiji li għandhom impatt fuq persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Is-CRPD nediet ukoll kampanja ta’ għarfien, li titfa’ dawl fuq il-ħajja ta’ persuni b’diżabilità waqt il-pandemija. Ġie kkummissjonat ukoll studju ta’ riċerka permezz tal-Fakultà għall-Ħarsien Soċjali biex jivvaluta l-effetti tal-pandemija fuq il-ħajja ta’ persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.

CRPD Rapport Annwali 2020