Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Qatt taqta’ qalbek miktuba minn Jeanesse Abela

Published 07 ta' Ottubru 2021

Jeanesse Abela, li għandha cerebral palsy, tispjega kif uħud mill-ikbar sfidi li tiffaċċja huma relatati mal-aċċessibilità u l-attitudnijiet tas-soċjetà. Minkejja l-ostakli, hija mhix se taqta’ qalbha – qatt.

 

Jeanesse Abela Cerebral PalsyLi tgħix bis-cerebral palsy (CP) hija sfida kbira peress li, sfortunatament, hija kundizzjoni li tista’ tiġi ġestita biss bit-terapija f’livell sintomatiku. Minn perspettiva ta’ kuljum, il-ħajja b’CP tfisser ostakli u frustrazzjonijiet, l-aktar għaliex affarijiet ordinarji li kulħadd jieħu bħala fatt huma diffiċli speċjalment għalina. Anki jekk f’livell ta’ soċjetà l-affarijiet tjiebu matul is-snin, għad hemm ħafna aktar x’jista’ jsir biex ħajjitna ssir iżjed faċli u nħossuna aktar integrati u indipendenti. Sa mit-tfulija għamilt l-almu tiegħi kollu biex ngħix ħajja sħiħa u nwettaq ħafna mill-ħolm tiegħi, grazzi għas-sapport tal-familja li tħobbni kif ukoll numru ta’ ħbieb mill-qrib, kollegi, employers u erwieħ tajbin oħra li ltqajt magħhom matul it-triq, li emmnu fija u għenuni b’xi mod jew ieħor.

Cerebral Palsy Awareness Day

Bl-età d-diżabilità tiegħi marret għall-agħar, il-muskoli tiegħi huma aktar dgħajfa, għalhekk ikolli nibdel kontinwament l-istil ta’ ħajja tiegħi u naddatta għar-realtà l-ġdida tiegħi. Barra minn hekk, minħabba herniated disc f’għonqi, tlift il-kapaċità tiegħi li nimxi b’mod indipendenti. Din kienet daqqa kbira u diffiċli ħafna biex naċċettaha fil-bidu, partikolarment minħabba li sirt saħansitra iktar dipendenti fuq ħaddieħor. Minkejja din id-diffikultà kollha, qatt ma waqaft niġġieled kontra kull mistenni u nistinka biex ngħix ħajti bis-sħiħ. Jien attiva ħafna fuq il-midja soċjali fejn nipprova nħeġġeġ lil nies oħra biex ma jaqtgħux qalbhom faċilment.

Ħafna mill-isfidi li niffaċċja huma relatati mal-aċċessibilità, peress li hija taqbida kbira li noħroġ u ndur fis-siġġu tar-roti tal-elettriku tiegħi. Sfida oħra għalija hija l-fatt li minħabba n-nuqqas tiegħi fid-diskors u s-smigħ, in-nies għandhom it-tendenza li jittrattawni bħal tifla u jippreferu jindirizzaw lill-carers tiegħi minflok lili direttament. Mhux kulħadd jifhimni meta nitkellem u dan huwa pjuttost frustranti. Madankollu, dejjem nipprova nsib mod kif nuri lin-nies dak li kapaċi nagħmel, u li napprezza li jitkellmu miegħu direttament u jittrattawni l-istess. Xi nies għandhom it-tendenza li jiġġudikaw id-diżabilità l-ewwel u mhux il-karattru tal-persuna. Għandhom ukoll it-tendenza li jaħsbu li kull min għandu diżabilità fiżika jaffaċċja l-istess sfidi jew għandu l-istess limitazzjonijiet. Kulħadd huwa uniku u għandu bżonnijiet differenti, li jfisser li aħna qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex nikkomunikaw dak li hu l-aħjar għalina u għandna nkunu involuti b’mod attiv biex insawru policies li jaffettwaw il-ħajja u l-futur tagħna ta’ kuljum.

Il-messaġġ tiegħi hu li ma naqtgħu qalbna qatt. Għandna ħajja waħda biss u rridu ngħixuha bis-sħiħ, irrispettivament minn dak li titfgħalna għal wiċċna.