Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Qalbi tħabbat miktuba minn Sharon Pollacco

Published 01 ta' Ottubru 2021

Fl-Unur World Heart Day

 

Meta twieldet b’kundizzjoni fil-qalb, Sharon Pollacco ħasbet li qatt mhi se ssib l-imħabba. Illum miżżewġa u b’tifel adolexxenti, qed tgħix ħajja attiva u mimlija. Hija tirrakkonta l-istorja tagħha fil-Jum Dinji tal-Qalb

Twelidt fl-1979, meta MRIs, echos u magni kardijaċi oħra fancy lanqas biss kienu jeżistu. Jien kont tarbija attiva ħafna imma, meta għalaqt tliet snin, ommi indunat li l-ponot ta’ subgħajja jsiru blu meta taħsilni. It-tabib tagħna qalilha li qed jisma’ ħoss u kellna mmorru Londra għal aktar testijiet – il-ġenituri tiegħi kienu mwerwrin. Irriżulta li twelidt bil-Marda Konġenitali tal-Qalb Tricuspid Artesia, bi tliet taqsimiet biss. Ma setgħux joperaw dak iż-żmien peress li jien kont żgħira wisq u kelli nistenna sakemm kelli tmien snin. Fl-1988 kelli Fontan Procedure magħmula fl-Awstralja. L-operazzjoni rnexxiet u rkuprajt tajjeb.

Meta ġejna lura Malta kelli 10 snin. Dejjem ħassejtni differenti għax ma stajtx nipparteċipa f’ċerti sports u kont dejjem konxja taċ-ċikatriċi tiegħi; ħadt ħafna żmien biex naċċetta li dan kien il-mod kif twelidt jien. Fl-1999, kelli episodju ta’ tachycardia fejn qaluli li dawn kienu effetti sekondarji riżultat tal-operazzjoni tiegħi. Matul is-snin għamilt operazzjonijiet żgħar oħra f’Malta u f’Londra bħal ablations. Illum il-ġurnata dawn jistgħu jiġu kkontrollati bil-mediċinali peress li dawn tjiebu ħafna matul is-snin.

Bħala adolexxenti kont naħseb li ħadd mhu se jaċċetta l-kundizzjoni tiegħi u jħobbni apparti mill-ġenituri u l-aħwa. Madankollu żżewwiġt u għandi tifel li se jsir adolexxenti. Ma nistax ngħid li t-tqala tiegħi kienet faċli, peress li jien kont waħda mill-każijiet tal-bidu li kont tqila wara Fontan. Bl-għajnuna tat-tobba professjonali kollha flimkien mal-Guch Team, wellidt tifel b’saħħtu. Dejjem nipprova naħseb pożittiv u nemmen li hemm kura li żgur tgħin, għax ix-xjenza u t-teknoloġija għamlu l-għeġubijiet.

Nipprova dejjem ngħix ħajja normali. Għandi xogħol stressanti li jirnexxili nlaħħaq miegħu; jirnexxili nkampa mal-eżiġenzi tat-tifel adolexxenti tiegħi; inħobb nivvjaġġa u mmur nikkampja, allura ħajti hija attiva ħafna u mimlija. Il-motto tiegħi hu li ma naqta’ qalbi qatt; għix il-ħajja ġurnata b’ġurnata u żomm f’moħħok li kull jum huwa miraklu għalina. Ibqa’ b’saħħtek u apprezza li kieku twelidna aktar minn 50 jew 60 sena ilu, ma konniex inkunu ħajjin. Il-mediċina avvanzat tant u nixtieq nirringrazzja lill-professjonisti tal-qalb u l-istaff li jieħdu ħsiebna sew. Qed jagħmlu xogħol eċċellenti biex iżommu ħajjitna sigura u b’saħħitha.