Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

PEKTUR

Published 03 ta' Ottubru 2020

DIPARTIMENT TAL-INFORMAZZJONI

MALTA

_____________________________________________________________________________________

Stqarrija għall-Istampa

__________________________________________

PR201897                                                                                                                    03.10.2020

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U U PERSUNI B’DIŻABILITÀ

Opportunità għal persuni b’diżabilità biex jagħmlu PhD in Disability Studies – għotja ta’ €25,000

Il-Programm PEKTUR tas-CRPD, li jipprovdi assistenza finanzjarja lil persuni biex ikunu jistgħu jwettqu edukazzjoni kontinwa, taħriġ, u riċerka f’oqsma relatati mad-diżabilità, u d-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fi ħdan il-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, qed jallokaw is-somma ta’ €25,000 mogħtija mill-Fond Nazzjonali għall-Kawżi Ġusti.

Din l-għotja hija mmirata biex tipprovdi l-opportunità għal 2 persuni b’diżabilità li jiġu ffinanzjati kompletament biex jagħmlu PhD fi Studji dwar id-Diżabilità. Huma se jingħataw €10,000 kull wieħed biex ikopru l-miżati. Minbarra dan, se jkun hemm €5,000 disponibbli għal proġetti ta’ riċerka ad hoc fil-qasam.

Dan għalhekk se jippermetti lil persuni b’diżabilità li għandhom ix-xewqa li jagħmlu xogħol ta’ riċerka fil-livell ta’ PhD biex ikunu jistgħu japplikaw mingħajr il-ħtieġa li jkopru l-miżati nfushom.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li meta nħallu persuni b’diżabilità jirriċerkaw f’dan il-livell ogħla jfisser ukoll li esperjenza personali vasta se ssaħħaħ il-fehim tal-esperjenza tad-diżabilità kif tgħixha l-persuna f’Malta. Bħalissa hemm ftit li xejn riċerka disponibbli dwar diżabilità magħmula minn persuni b’diżabilità u bħal dejjem huwa importanti li l-vuċijiet ta’ persuni b’diżabilità jinstemgħu, u dan hu speċjalment meħtieġ fir-riċerka fil-livelli kollha, temm jgħid is-segretarju parlamentari.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna qal li hemm nuqqas ta’ riċerka dettaljata f’xi oqsma tad-diżabilità li għandha tiġi indirizzata jekk irridu nġibu bidla soċjali. Huwa ttamat li r-riċerka li tirriżulta jkollha l-effett li tixgħel dawl fuq oqsma ta’ diżabilità li jeħtieġu attenzjoni. F’soċjetà li tinbidel malajr, huwa meħtieġ li jkun hemm riċerka transtematika u intersezzjonali biex intejbu l-benesseri u l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità.

“L-Università dejjem stinkat biex tkun inklużiva u rappreżentattiva tas-soċjetà li taħdem fiha. Din l-opportunità għal żewġ individwi biex jesploraw l-interess tagħhom b’modi li jisfidaw kif inhi mibnija d-diżabilità fis-soċjetà bħalissa u eventwalment it-tkabbir tal-idea kollettiva tagħna tad-diversità hija waħda tad-deheb. Hija tali għax tgħinna nieħdu approċċ edukattiv aktar proattiv lejn kwistjonijiet tad-diżabilità f’kuntest lokali”, qal il-Prof. Alfred J. Vella, Rettur fl-Università ta’ Malta.

“Bħala fakultà, aħna impenjati ħafna li nagħmlu riċerka li mhux biss għandha impatt pożittiv fuq is-soċjetà li aħna parti minnha, iżda li hija ispirata minn, titgħallem minn u tadatta għall-ħtiġijiet ta’ din is-soċjetà. Din l-għotja ta’ boroż ta’ studju tmur skont l-iskop tagħna għax irridu nżidu għarfien ta’ kif id-diżabilità tinfluwenza l-kors tal-ħajja tal-bnedmin – u nagħrfu l-bżonn

għar-retorika relatata biex dawn l-individwi jkunu jistgħu jirnexxu”, qal il-Prof. Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.