Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Gary Vella – Il-Ħajja bid-Dyslexia

Published 22 ta' Ġunju 2021

L-istorja ta’ ibniPhoto of Mr. Gary Vella - young man standing at University premises

Ibni ta’ 20 sena huwa diżlessiku.

It-tfulija tiegħu kienet perfetta u avventuruża u allura, dak iż-żmien, bilkemm stajt naħseb li jista’ jkun diżlessiku.

Dejjem affronta kollox bi tbissima u dan għamilha iktar diffiċli għalija li nifhem jekk kienx jiċċajta jew jekk verament ħawwadx il-kliem.

Imma aktar ma għadda ż-żmien, bdejt nirċievi bosta noti tal-iskola u telefonati frekwenti mill-amministrazzjoni tal-iskola fejn huma wkoll ma kinux ċerti. Waħħlu fija li kont norganizza bosta attivitajiet ta’ wara l-iskola u li ma ħallejtx biżżejjed ħin għall-istudju.

Meta nħares lura lejn dawk iż-żminijiet, nista’ niftakar kif bkejna flimkien.

Meta smajt dwar il-kelma ‘dyslexia’ fittixt u qrajt dwarha għal ġimgħa sħiħa. Kien qisu bieb jinfetaħ u rrealizzajt u fhimt li ibni kien diżlessiku.

Il-vjaġġ ma kienx faċli peress li, dak iż-żmien, jekk kellek biss id-dyslexia, ħafna mill-iskejjel bilkemm kienu jipprovdu arranġamenti ta’ aċċess. Ibni ried jitgħallem, u ried jirnexxi wkoll. Dan wasslu għal ansjetà qawwija, peress li l-ebda appoġġ ma ġie offrut mill-iskola.

L-attakki ta’ paniku tiegħu kienu inkwetanti ħafna u għalhekk kellna nagħmlu diversi testijiet bħall-EEG. Fl-aħħar iddeċidejt li s-saħħa ta’ ibni kienet prijorità u ma bgħattux l-iskola għal sena sħiħa, sakemm beda jħossu aħjar u aktar b’saħħtu. U peress li ibni kellu jieħu l-mediċina u kellu jieqaf jattendi l-klabbs sportivi tiegħu, kelli nieħu deċiżjoni drastika ħafna.

Iddeċidejt li nibdel l-iskola – u nirringrazzja lil Alla li għamilna dan. Fl-iskola l-ġdida, huwa sab l-aqwa għalliema dedikati li qatt kien hemm. Erġajt bdejt nara dak id-dawl f’għajnejh.

Wara li kellu l-istima tiegħu nnifsu baxxa, huwa kompla bl-isport favorit tiegħu, il-karate u, fi ftit xhur, ikkompeta u kkwalifika fit-tielet post fil-Kampjonat Ewropew.

Wara dan, hu qatt ma ħares lura u beda jistudja ħafna għall-O u l-A levels tiegħu.

Illum jinsab fl-Ewwel Sena tiegħu fl-Università, jistudja l-Inġinerija Elettrika.

Fl-opinjoni tiegħi, id-diżlessiċi kollha għandhom jingħataw id-drittijiet kollha biex jitgħallmu skont il-bżonnijiet tagħhom, għax inkella din tkun verament diskriminazzjoni.

 

Isabel Vella – omm Gary

 

21 ta’ Mejju 2021 – Learning Disability Week