Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Mhux id-Diżabilitajiet Kollha Huma Viżibbli – Jum Internazzjonali ta’ Persuni b’Diżabilità 2020

Published 03 ta' Diċembru 2020

 

“Huma n-nies li jistħoqqilhom rispett – mhux il-bastun abjad, il-krozza, l-apparat tas-smigħ, il-blue badge jew is-siġġu tar-roti,” qal il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna f’messaġġ biex jimmarka l-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità 2020.

Kull sena fit-3 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) tingħaqad mal-bqija tad-dinja biex timmarka l-Jum Internazzjonali ta’ Persuni b’Diżabilità. Din is-sena, il-Kummissjoni adottat it-tema tan-Nazzjonijiet Uniti – Mhux id-diżabilitajiet kollha huma viżibbli – li għandha l-għan li toħloq aktar kuxjenza dwar diżabilitajiet inviżibbli.

“Il-bastun abjad, il-krozza, l-apparat tas-smigħ, il-blue badge, is-siġġu tar-roti u apparat ieħor huma sinjal ċar li persuna għandha diżabilità. Ħafna persuni ma jużawx dawn il-mezzi ta’ assistenza, madankollu, iżda xorta għandhom diżabilità,” huwa qal.

“Sfortunatament is-soċjetà tgħix bi sterjotipi li ħafna drabi jwasslu għal preġudizzji. M’għandniex inkunu influwenzati minn preġudizzji. Soċjetà inklużiva hija mibnija fuq ir-rispett reċiproku mingħajr il-ħtieġa li persuni jiddikjaraw id-diżabilitajiet tagħhom. ”

Mal-Kummissarju ngħaqad ukoll il-Prim Ministru Robert Abela li tkellem dwar is-settur tad-diżabilità u kif ġie milqut mill-pandemija COVID-19.

“Din is-sena l-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità jaħbat fi żmien xejn sabiħ għad-dinja. Konxju li r-restrizzjonijiet li daħħalna matul dawn ix-xhur kellhom impatt negattiv fuq numru ta’ persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom. Kien hemm min ma rċeviex it-terapiji li jeħtieġ biex ma jipperikolax saħħtu.  Dan huwa piż kbir li qisna aħna u nfasslu l-miżuri li għenu sabiex ir-rata ta’ trażmissjoni tal-virus tinżamm stabbli bl-inqas impatt possibbli għall-poplu.”

Il-Prim Ministru rrimarka li l-pandemija ġiet fi żmien ta’ qawmien mill-ġdid kbir għas-settur tad-diżabilità f’Malta.

“Qatt daqs illum ma kellna persuni b’diżabbiltà li għandhom impjieg jew li huma mħajra bis-serjetà li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. L-estensjoni tal-allowance tad-diżabilità għal min jaħdem turi li l-gvern jemmen li d-diżabilità ma tgħibx mal-għatba tal-lant tax-xogħol.”

Semma wkoll li s-sena d-dieħla l-gvern se jkun qed ikompli bl-impenn tiegħu biex jagħti lil dawn il-persuni l-ekwivalenti tal-paga minima nazzjonali. Semma wkoll li, għall-ewwel darba, is-settur tad-diżabilità għandu wkoll il-ministeru dedikat tiegħu stess.