Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Joanna La Rosa – Il-Ħajja bil-Multiple Sclerosis

Published 27 ta' Mejju 2021

Jisimni Joanna La Rosa u għandi 57 sena. Kelli secondary progressive multiple sclerosis għal dawn l-aħħar 28 sena u jien ukoll cancer survivor għal dawn l-aħħar tmien snin.

L-istil ta’ ħajja tiegħi kellu jinbidel. Tlift l-indipendenza tiegħi u adattajt għal ċirkostanzi li ilhom jgħejjuni ħafna. Għall-bidu d-dijanjosi tal-MS ma fixklitnix lanqas. Komplejt ngħix ħajja normali kemm stajt u komplejt naħdem. Irnexxieli nlaħħaq mal-affarijiet ta’ kuljum; imbagħad  sfortunatament tmien snin ilu rċivejt aħbar ħażina oħra, ġejt dijanjostikata bil-kanċer tas-sider! Dan ħalla lill-familja tiegħi u lili nnifsi totalment ixxukkjati. It-trattament bir-radjoterapija għall-kanċer affettwani b’mod orribbli u għamilni wkoll dgħajfa ħafna, minbarra li kont għajjiena mill-MS. Il-mobbiltà tiegħi marret għall-agħar sakemm issa jkolli nuża siġġu tar-roti tal-elettriku. Għandi bżonn għajnuna kostanti fil-bżonnijiet tiegħi ta’ kuljum, anke jekk nuża siġġu tar-roti tal-elettriku.

Jien kont naħdem man-negozju tal-familja tagħna imma sfortunatament kelli nieqaf peress li ġejt dijanjostikata bil-kanċer u ħija ta’ 49 sena miet f’daqqa, l-għada tal-operazzjoni tiegħi. Il-ħajja ma kinitx faċli peress li konna tant viċin u konna mmexxu n-negozju flimkien li, eventwalment, kellna nagħlqu.

L-MS affettwatni bil-kbir u ħajti nbidlet konsiderevolment. Madankollu, fl-istess ħin, il-ħajja għallmitni nkun grata għal kull jum li nqum għalih! Jien xortija tajba li għandi ħafna eks ħbieb tal-iskola u membri tal-familja li jappoġġjawni bil-kbir. Ommi hija wkoll ta’ għajnuna kbira u dejjem għallmitni niġġieled u niffaċċja bosta sfidi.

Bdejt ukoll passatemp; il-passjoni tiegħi issa hija għaċ-ċeramika, il-fużjoni tal-ħġieġ u t-tekniki tal-pittura fuq l-għamara. Tista’ tgħid li skoprejt in-naħa artistika tiegħi. Inħobb ukoll nivvjaġġa u nattendi kunċerti, wirjiet tal-arti. Inħeġġeġ lin-nies biex jibdew xi passatemp b’affarijiet li tant huma passjonati dwarhom, kemm jekk huma snajja’, pittura, qari, tkun xi tkun. Nixtieq li aktar opportunitajiet ikunu disponibbli għal dawk li għandhom l-MS biex ikollhom ħinijiet tax-xogħol flessibbli, biex jiġu apprezzati u rispettati.

Permezz tal-isfidi kollha li ffaċċjajt, se nkompli niġġieled kuljum.

Photo of ceramic plates by Joanna La Rosa Photo of Christmas crib in stained glass by Joanna La Rosa Photo of stained glass cross by Joanna La Rosa Photo of ceramic vase by Joanna La Rosa