Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

It-tagħlim onlajn jeskludi ħafna mit-tfal b’diżabilità – Kummissarju tas-CRPD

Published 20 ta' Ottubru 2020

Filwaqt li t-tagħlim onlajn jista’ jkun soluzzjoni vijabbli għal xi tfal, mhuwiex għażla realistika għal ħafna tfal b’diżabilità, qal il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna.

“Jeħtieġ li jkun hemm soluzzjoni ċara għal dawk it-tfal li għalihom it-tagħlim onlajn mhuwiex għażla realistika,” qal il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna.

It-tagħlim onlajn mhuwiex għażla għat-tfal fl-ispettru tal-awtiżmu, dawk b’ADHD jew dawk b’diżabilità intellettwali, biex insemmu biss ftit kundizzjonijiet, qal il-Kummissarju.

Filwaqt li t-tagħlim onlajn jista’ jiġi offrut lil dawk it-tfal li jistgħu jibbenefikaw minnha, din is-soluzzjoni mhix adattata għal kulħadd u tħalli barra popolazzjoni kbira ta’ tfal b’diżabilità, li kollha kemm huma għandhom ukoll id-dritt għall-edukazzjoni.

Dawk it-tfal b’diżabilità li ma jistgħux jattendu l-iskola fiżikament qed jitħallew mingħajr għażla ħlief għal tagħlim onlajn jew Teleskola, li mhuwiex adattat għall-bżonnijiet tagħhom.

“Meta timbotta għat-tagħlim onlajn bħala l-unika soluzzjoni vijabbli tkun qed tħalli barra dawk it-tfal b’diżabilità li għalihom mhix għażla. Għandha tinstab ukoll soluzzjoni ċara għal dawn it-tfal,” temm jgħid il-Kummissarju.