Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Is-CRPD imħassba dwar dikjarazzjonijiet tal-unions tal-edukaturi mmirati lejn prattiċi tax-xogħol li għandhom impatt fuq tfal b’diżabilità tal-iskola

Published 02 ta' April 2020

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) hija mħassba dwar id-dikjarazzjonijiet reċenti maħruġa mill-għaqdiet tal-għalliema u l-edukaturi, li jistgħu jaffettwaw ħażin lit-tfal b’diżabilità tal-iskola.

“Filwaqt li s-saħħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi għandhom jiġu mħarsa, dan ma jistax ikun għad-detriment tal-benesseri u d-dinjità tat-tfal b’diżabilità, uħud mill-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà tagħna,” qal il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna.

“L-interess tagħna huwa li niżguraw li studenti b’diżabilità ma jkunu żvantaġġati bl-ebda mod, skont l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.”

Dikjarazzjonijiet u direttivi reċenti maħruġa mill-Union of Professional Educators (UPE) u l-Malta Union of Teachers (MUT) iffukaw fuq Learning Support Educators (LSEs) u d-dmirijiet tagħhom b’rabta ma’ tfal b’diżabilità.

L-aħħar dikjarazzjoni sostniet li l-LSEs kienu qed iweġġgħu serjament fuq ix-xogħol wara li kellhom jerfgħu lit-tfal kuljum. Sejħet għal numru ikbar ta’ LSEs li jkunu disponibbli biex jerfgħu tifel wieħed/tifla waħda kif ukoll reviżjoni tal-policy attwali. Irrimarkat li xi skejjel għandhom it-tagħmir biex iġorru t-tfal iżda ħafna skejjel mainstream m’għandhomx.

Il-LSEs jgħinu lill-istudenti fil-klassi b’diversi modi, u jgħinu lill-għalliema fl-implimentazzjoni tal-kurrikulu nazzjonali billi jadattaw il-lezzjoni b’mod li t-tfal jifhmu.

Is-CRPD tħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex iħares is-saħħa tal-edukaturi tiegħu u jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Mhux biss l-iskejjel għandhom ikunu aċċessibbli, iżda t-tagħmir meħtieġ bħal hoists u l-evacuation chairs, kif ukoll taħriġ xieraq, għandhom ikunu disponibbli biex jgħinu lil-LSEs fid-dmirijiet tagħhom. Is-CRPD hija dejjem miftuħa għal konsultazzjoni u diskussjoni.

Madankollu t-tfittxija tal-LSEs għal kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar m’għandhiex tkun għad-detriment ta’ tfal b’diżabilità. “Aħna nittamaw ħafna li t-tfal b’diżabilità ma ssirilhomx ħsara kollaterali fil-battalja għas-sħubija bejn il-unions tal-għalliema.”

Is-CRPD hija impenjata li tagħmel lis-soċjetà Maltija waħda inklużiva, b’mod li persuni b’diżabilità jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-aspetti kollha tal-ħajja, u jgawdu kwalità ta’ ħajja għolja grazzi għal opportunitajiet indaqs.

Fit-twettiq ta’ din il-missjoni, is-CRPD taħdem sabiex telimina kull forma ta’ diskriminazzjoni soċjali diretta jew indiretta kontra persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom filwaqt li tipprovdihom bl-assistenza u għajnuna meħtieġa.