Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Is-CRPD ikkonċernata mid-direttivi tal-union dwar it-twaqqif tat-terapija għal tfal b’diżabilità

Published 20 ta' Awwissu 2020

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) hija mħassba dwar l-aħħar direttivi tal-union li għal darb’oħra waqqfu s-servizzi ta’ terapija għal tfal b’diżabilità.

Numru ta’ ġenituri inkwetati kkuntattjaw lill-Kummissjoni, u lmentaw li s-servizzi ta’ terapija għal uliedhom reġgħu twaqqfu.

“Filwaqt li l-Kummissjoni tifhem il-ħtieġa tal-ħaddiema li jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, ma tistax tonqos li ssejjaħ iż-żmien ħażin ta’ dawn id-direttivi, wara xhur ta’ terapija mwaqqfa minħabba s-sitwazzjoni attwali tas-saħħa,” qal il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna.

“Hekk kif is-servizzi ta’ terapija kienu se jerġgħu jibdew wara xhur ta’ inattività, id-direttivi tal-union għal darb’oħra waqqfu dawn is-servizzi essenzjali, għad-detriment ta’ tfal b’diżabilità. L-interess tagħna huwa li niżguraw li t-tfal b’diżabilità ma jkunu bl-ebda mod żvantaġġati, skont l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.”

It-terapiji twaqqfu wara direttivi industrijali maħruġa mill-UĦM – Voice of the Workers b’konnessjoni ma’ ftehim kollettiv skadut. Id-direttivi japplikaw għal audiologists, occuptional therapists, dental technologists, biomedical scientists, physiotherapists, speech-language pathologists, radiographers u podiatrists. Il-physiotherapists fis-CDAU għadhom qed jipprovdu servizz.

Id-direttivi jagħtu struzzjonijiet lit-terapisti biex jipprovdu biss servizzi ta’ emerġenza. L-union  ilmentat li l-ftehim kollettiv tagħhom skada f’Diċembru 2017 u t-tilwima industrijali ġiet irreġistrata f’Jannar, iżda ġiet sospiża f’Marzu minħabba COVID-19.

“Dawn it-tfal u l-familji tagħhom diġà ssaportew xhur ta’ tensjoni minħabba s-sitwazzjoni attwali tas-saħħa. Li jwaqqfu s-servizzi ta’ terapija tagħhom eżatt kif kienu se jerġgħu jibdew, joħloq il-possibbiltà ta’ rigressjoni u, għall-inqas, it-telf tal-progress maħluq b’attenzjoni matul ix-xhur u s-snin.”

Din is-sitwazzjoni tfisser li l-ġenituri qed jiġu mġiegħla jħallsu għas-servizzi privatament – xi drabi bl-istess terapisti – għaldaqstant qed titpoġġa iktar pressjoni finanzjarja. Barra minn hekk, mhux il-ġenituri kollha jistgħu jaffordjaw li jħallsu għal servizzi essenzjali, u allura sezzjoni ta’ tfal qed titħalla kompletament barra mix-xibka ta’ servizzi ta’ terapija.

Bħala r-regolatur nazzjonali tas-settur tad-diżabilità f’Malta, is-CRPD tħeġġeġ lill-Gvern biex isib soluzzjoni ekwa għall-impjegati tiegħu filwaqt li tappella għall-umanità komuni ta’ dawk involuti u tirringrazzja lil dawk it-terapisti li ilhom jipprovdu servizzi ta’ emerġenza.