Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Riċerka dwar l-Impjiegi

Sejħa għall-parteċipanti f'riċerka dwar persuni b’diżabilità u l-impjieg - Magħluqa

Is-CRPD ikkummissjonat studju ta’ riċerka dwar persuni b’diżabilità u l-impjieg. Il-kuntrattur tar-riċerka huwa Ernst and Young (EY). Dan l-istudju ta’ riċerka huwa parti minn proġett kofinanzjat mill-ESF immexxi mill-Ministeru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali u li fih is-CRPD hija msieħba. It-titlu tal-Proġett huwa ‘Għarfien, Taħriġ, Komunikazzjoni u Miżuri ta’ Sostenn b’appoġġ għal Gruppi Vulnerabbli’.

L-ewwel parti se tfittex li tagħti stampa iktar ħolistika tas-sitwazzjoni tal-impjieg ta’ persuni b’diżabilità f’Malta inkluż in-numru ta’ persuni b’diżabilità fl-impjeg, in-numru li b’mod attiv qed ifittxu x-xogħol, ix-xogħol li jwettqu, il-paga tagħhom u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (bħal ngħidu aħna f’impjieg full-time jew part-time eċċ.), in-numru ta’ persuni b’diżabilità li jistgħu jaħdmu imma li mhumiex qed ifittxu xogħol, ir-raġunijiet għaliex persuni b’diżabilità li jistgħu jaħdmu mhumiex qegħdin ifittxu xogħol, l-ostakli li jiffaċċjaw persuni b’diżabilità meta jfittxu biex jidħlu fl-impjieg, u l-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi ta’ dawn l-ostakli.

Din il-parti ta’ din ir-riċerka għandha tinvolvi wkoll 300 intervista wiċċ imb wiċċ ma’ persuni b’diżabilità li bħalissa huma impjegati, li qed ifittxu impjieg, kif ukoll oħrajn li mhumiex qed ifittxu b’mod attiv l-impjieg. Il-kampjuni għandhom jinkludu persuni b’diżabilità fiżika, intellettwali, sensorjali u ta’ saħħa mentali, irġiel u nisa, minn gruppi ta’ etajiet differenti, minn Malta u Għawdex (reġjuni). Numru ta’ dawn l-intervisti għandhom isiru ma’ persuni b’diżabilità li jattendu Ċentri ta’ Taħriġ għall-Adulti.

It-tieni parti tar-riċerka se tħares lejn persuni b’diżabilità li huma impjegati u tistudja s-sitwazzjoni tagħhom fuq il-post tax-xogħol bil-għan li tenfasizza l-aħjar prattiċi. Għalhekk din ir-riċerka se tistudja persuni b’diżabilità li huma fl-impjieg, ix-xogħol rispettiv tagħhom u l-kompiti assoċjati mal-impjieg u l-employer (bħat-tip ta’ entità), kwalunkwe akkomodazzjoni raġonevoli li kienet meħtieġa, kwalunkwe taħriġ meħtieġ mill-persuna b’diżabilità, mill-employer u mill-kollegi, u jekk l-impjieg tagħhom bediex qabel jew wara l-infurzar tal-kwota ta’ 2%. Il-kampjun għandu jinkludi persuni b’diżabilità fiżika, intellettwali, sensorjali u ta’ saħħa mentali, irġiel u nisa, minn gruppi ta’ etajiet differenti minn Malta u Għawdex (skont ir-reġjuni). Se jsiru 50 intervista oħra kif ukoll 3 focus groups mal-employers. L-intervisti u l-focus groups għandhom jinkludu numru ta’ employers li jimpjegaw persuni b’diżabilità f’intrapriżi żgħar, medji u kbar f’Malta u Għawdex. In-numru ta’ persuni intervistati minn intrapriżi żgħar, medji u kbar kif ukoll in-numru li minn dawn joperaw f’Malta u f’Għawdex se jkun deċiż bejn il-Kuntrattur u l-Awtorità li toffri l-Kuntratt (Contracting Authority).

Fl-aħħar, il-kuntrattur huwa mistenni li jfassal linji gwida mmirati biex jassistu lil employers fl-identifikazzjoni ta’ għajnuniet li jistgħu jeħtieġu biex jimpjegaw persuni b’diżabilità. L-indirizz tal-preġudizzji u l-kunċetti żbaljati ta’ min iħaddem mhux biss jgħin lil persuni b’diżabilità jsibu xogħol iżda jgħinhom ukoll biex iżommu l-impjieg speċjalment meta d-diżabilità tinkiseb wara li l-persuna tkun ġiet impjegata. Il-linji gwida għandhom ikunu bbażati fuq ir-reazzjonijiet miġbura mill-intervisti ma’ persuni b’diżabilità u l-employers, kif ukoll fil-focus groups mal-employers u partijiet interessati oħra jekk meħtieġ, u ssir ir-reviżjoni tal-letteratura.