Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Professjonisti

Sejħa għal persuni biex jiġu intervistati – Riċerka fuq il-livell ta’ għarfien dwar id-diżabilità fost il-professjonisti - Magħluqa

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) ikkummissjonat lil Outlook Coop biex issir riċerka fuq il-livell ta’ għarfien dwar id-diżabilità li għandhom professjonisti. Din ir-riċerka tagħmel parti mill-proġett ESF 2.63 Għarfien, Taħriġ, Komunikazzjoni u Miżuri ta’ Sapport għal Gruppi Vulnerabbli, liema proġett hu kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew tal-Unjoni Ewropea.

L-għan ta’ dan l-istudju hu li jiġu identifikati l-ostakli li persuni b’diżabilità jiffaċċjaw meta jiġu biex jagħmlu użu minn prodotti u servizzi varji. Dan l-istudju għandu wkoll jidentifika x’taħriġ hu meħtieġ għal professjonisti varji.

Persuni b’diżabilità huma mistiedna jikkontribwixxu f’din ir-riċerka billi jipparteċipaw f’intervista li ssir onlajn. Dak li jingħad waqt l-intervisti mhux ser iwassal biex jiġu identifikati l-parteċipanti f’dan l-istudju.

Jekk inti persuna b’diżabilità u tixtieq turi l-interess tiegħek li tiġi intervistat/a, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Allison Zammit fuq allison.zammit@crpd.org.mt jew 22267600.

Mill-bidunett tat-twaqqif tagħha fl-1987, is-CRPD kienet produttiva ħafna prinċipalment fit-twaqqif ta’ standards u leġiżlazzjoni għall-aċċessibiltà fiżika u għall-edukazzjoni inklużiva. Wara l-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs (2000), “Ħafna mill-isfidi li jiltaqgħu magħhom il-persuni b’diżabilità huma l-oqsma ta’ aċċessibilità u edukazzjoni, iżda wkoll oqsma oħra bħall-impjieg, ir-relazzjonijiet u s-sesswalità, u l-għajxien indipendenti” (CRPD, 2018, Sottomissjoni lill-Kumitat dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità qabel il-konsiderazzjoni tiegħu tal-ewwel rapport perjodiku ta’ Malta). Fil-fatt ir-rapport annwali tas-CRPD (2017) sab li “Is-settur tal-aċċessibilità kien is-settur li dwaru l-Kummissjoni rċeviet l-aktar ilmenti ġodda matul is-sena kollha. Fl-għoti ta’ oġġetti, faċilitajiet u servizzi ġew irreġistrati 85 ilment ġdid”.

Din ir-riċerka hija maħsuba biex tindirizza kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità fl-għoti ta’ prodotti u servizzi. Għandha tipprovdi mezz biex tippermetti lill-professjonisti joffru prodotti u servizzi li huma ppjanati u eżegwiti permezz ta’ approċċ ta’ Disinn Universali li partikolarment jiżgura li jkunu aċċessibbli b’mod faċli u ekwu għal persuni b’diżabilità. Fost l-oħrajn, l-istudju se jfittex:

• X’tip ta’ ostakli għal aċċess ekwu u użu ta’ prodotti u servizzi jiġu esperjenzati minn persuni b’diżabilità f’Malta.
• Liema tipi ta’ sfidi qed jiffaċċjaw prattikanti professjonali sabiex jipprovdu u joffru prodotti u servizzi li jkunu aċċessibbli b’mod faċli u ekwu għal persuni b’diżabilità, jinkludu x’tip ta’ taħriġ iħossu li għandhom bżonn biex jindirizzaw dawn l-isfidi. L-evidenza għandha tinkludi mill-inqas il-perċezzjonijiet ta’ Inġiniera, Periti, Speċjalisti fl-IT, Avukati, Meniġers tar-Riżorsi Umani, Meniġers fl-Ospitalità u t-Turiżmu, prattikanti mediċi u paramediċi (GPs, Dentisti, Infermiera), u Ħaddiema Soċjali f’Malta. (Il-lista tista’ tiġi modifikata skont is-sejbiet mill-intervisti ma’ persuni b’diżabilità).
• Ksib ta’ evidenza mill-koordinaturi tal-programm relevanti (inklużi dawk fl-UOM, MCAST, u ITS) dwar liema tip ta’ taħriġ huwa attwalment offrut fi programmi ta’ edukazzjoni professjonali inizjali fl-edukazzjoni għolja Maltija biex jippermetti lill-professjonisti relevanti jindirizzaw kwistjonijiet ta’ aċċess ekwu għall-prodotti u servizzi minn persuni b’diżabilità.

Jekk tixtieq aktar informazzjoni dwar dan l-istudju, tista’ tikkuntattja lil Ms Allison Zammit fuq allison.zammit@crpd.org.mt jew 22267600.