Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Il-kisja tal-fidda tiegħi miktuba minn Mary Vella

Published 14 ta' Ottubru 2021

Mary VellaMeta ġiet dijanjostikata bir-Rheumtoid Arthritis fl-età ta’ 48 sena, Mary Vella ma rathiex bħala t-tmiem tal-vjaġġ tagħha. Għall-kuntrarju, eventwalment tgħallmet tħaddanha magħha biex tkun tista’ ssegwi mogħdijiet ġodda

Jien ġejt dijanjostikata bir-Rheumatoid Arthritis (RA) fl-età ta’ 48 sena. Għall-ewwel bdejt nesperjenza wġigħ żgħir fil-ġogi tiegħi, speċjalment f’idejja u saqajja iżda, fi żmien xahar, il-ġogi tiegħi saru ibsin ma’ ġismi kollu. L-iktar affarijiet sempliċi, bħal bilwieqfa, il-mixi u l-ilbies, saru insapportabbli u diffiċli minħabba l-uġigħ u n-nuqqas ta’ enerġija tiegħi. Għamilt testijiet tad-demm u reġgħu ġew pożittivi. Ċertament li din kienet daqqa kbira u aħbar diżappuntanti ħafna għalija. Sa dak iż-żmien kont mara attiva ħafna ma’ familja ta’ ħamsa u bin-negozju, li jinkludi hair and beauty salon, physical fitness u spiżerija.

Il-konsulent tiegħi spjega li din hija kundizzjoni kronika; madankollu, bl-avvanz tal-mediċina moderna wieħed jista’ jgħix ħajja kemm jista’ jkun normali. Dan tani ħafna kuraġġ u tama għall-futur. Jien ġejt trattata b’mediċini anti-infjammatorji u kortikosterojdi. Ħajti nqalbet ta’ taħt fuq u l-akbar sfida li kelli niffaċċja kienet li niddependi fuq ħaddieħor. Jien kont persuna indipendenti ħafna u fuq kollox ma ridtx inkun piż fuq il-familja u l-ħbieb tiegħi. Il-ħajja ma baqgħetx l-istess imma pjuttost battalja kontinwa. Kelli naddatta u nitgħallem ngħix ma’ dan l-istil ta’ ħajja differenti mil-lum għal għada.

Maż-żmien, b’ħafna determinazzjoni stajt nerġa’ nibda ftit mill-attivitajiet normali tiegħi – madankollu ma kienx l-istess. Ħdimt ħafna biex nerġa nieħu saħħti. Kelli nieqaf min-negozju tiegħi; madankollu, peress li miniex persuna wieqfa, iddeċidejt li nibda kors ta’ filgħaxija – Bachelor of Arts in Religious Studies fl-Università ta’ Malta. Nhar ta’ Ġimgħa kont nattendi għal Augustinian Studies for Professionals  fejn irbaħt borża ta’ studju għal Ruma. Dan għamilni kuntenta u li kapaċi nkompli nistudja u niltaqa’ ma’ nies ġodda mlietli ħajti.

Fit-tielet sena tiegħi fl-Università, il-kundizzjoni tiegħi reġgħet ħarġet u kienet ħażina ħafna, saqajja saru minfuħin ħafna u bl-uġigħ u kelli nuża krozzi. It-trattament tiegħi għat-tieni darba nbidel għal terapija injettabbli li għamlet differenza kbira. Komplejt bil-ħajja u l-impenji tiegħi. Mort Ruma għall-borża ta’ studju tiegħi, esperjenza li ma ninsa qatt. Iggradwajt ukoll għall-grad tiegħi fil-Bachelor of Arts in Religious Studies u eventwalment Master’s degree in Theology.

Kien dak iż-żmien, fis-sena 2007 li ġejt avviċinata biex inwaqqaf l-Arthritis and Rheumatism Association of Malta. Sirt il-President u sal-lum stess qatt ma waqaft naħdem fuq bażi volontarja biex inżid l-għarfien ta’ kif il-pazjenti bir-Rheumtoid Arthritis jistgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom biex jgħixu aħjar, u jgħixu ħajja kemm jista’ jkun b’saħħitha u normali. Il-parir tiegħi lil kull min jgħix bi kwalunkwe tip ta’ artrite huwa li ma jarax il-kundizzjoni bħala t-tmiem tal-vjaġġ tagħhom iżda pjuttost li jħaddnuha u jħalluha teħodhom biex isibu mogħdijiet oħra f’ħajjithom.

Huwa permezz tat-tama li llum inservi ta’ eżempju li kull sħaba sewda għandha kisja tal-fidda.