Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali

Published 10 ta' Ottubru 2020

‘Għandna bżonn strateġija biex persuni b’diżabilità’ li jgħixu f’istituzzjonijiet jiġu integrati lura fil-komunità’

Pass biex persuni b’diżabilità li jgħixu f’istituzzjonijiet jiġu integrati fil-komunità fejn jagħżlu fejn u ma’ min jgħixu, u jgħixu ħajja dinjituża waqt li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess, ikun pass importanti lejn il-promozzjoni ta’ saħħa mentali aħjar għal persuni li għandhom diżabilità, qal il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) enfasizzat il-ħtieġa għal strateġija ta’ integrazzjoni mill-istituzzjonijiet għall-komunità, li taħdem biex tikkontesta l-kunċetti żbaljati dwar id-dritt li tgħix b’mod indipendenti fil-komunità.

“Minflok ma tibni proġetti infrastrutturali għal djar residenzjali, l-enfasi għandha tkun fuq l-iżvilupp ta’ servizzi li jippermettu lil persuni b’diżabilità jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità, b’appoġġ jekk ikunu jeħtieġu dan,” qal il-Kummissarju.

L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) jitkellem b’mod ċar kontra l-użu ta’ istituzzjonijiet u jippromwovi l-importanza li jkun hemm allokazzjoni xierqa ta’ servizzi fil-komunità.

Il-Konvenzjoni tiddikjara wkoll li persuni bi problemi ta’ saħħa mentali għandhom jiġu kkunsidrati bħala persuni b’diżabilità.

Aktar kmieni din is-sena, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, b’kollaborazzjoni ma’ NGOs li jaħdmu fis-settur tas-saħħa mentali, iffirmaw dikjarazzjoni li tenfasizza l-importanza kemm tal-Kummissjonijiet kif ukoll tal-NGOs biex jaħdmu flimkien sabiex is-servizzi u benefiċċji meħtieġa minn persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jingħataw l-istess trattament bħal diżabilitajiet oħrajn.

Il-kriżi fis-saħħa minħabba l-Covid-19 ippreżentat sfida oħra għal dawk bi problemi ta’ saħħa mentali; ħolqot ukoll kwistjonijiet ta’ saħħa mentali f’persuni li qabel ma kinux esperjenzaw dan.

Il-Kummissjoni temmen li bħalissa hemm nuqqas ta’ appoġġ psikoloġiku u emozzjonali għal persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom kif ukoll għall-frontliners u l-familji tagħhom.

“Kellna ħafna każijiet ta’ persuni b’diżabilità u membri tal-familja li esperjenzaw stress u ansjetà żejda, minħabba l-limitazzjonijiet fuq is-servizzi provduti lilhom bħala riżultat tal-pandemija. Kien hemm każijiet oħra ta’ persuni b’diżabilità li għaddew minn solitudni minħabba lockdowns parzjali, li rriżultaw fi kwistjonijiet ta’ saħħa mentali.”