Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Id-deċiżjonijiet dwar is-saħħa pubblika għandhom jikkunsidraw persuni b’diżabilità

Published 14 ta' Settembru 2021

Rachel & Daniel Umanah

Id-deċiżjonijiet dwar is-saħħa pubblika għandhom jikkunsidraw persuni b’diżabilità u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom, qalet il-Kummissarju tas-CRPD Samantha Pace Gasan.

Hija kienet qed tirreferi għall-każ ta’ Rachel Umanah, li għandha d-Down Syndrome u hija ċittadina Maltija, u li se tintalab tagħmel kwarantina f’kamra ta’ lukanda wara li terġa’ lura minn pajjiż taż-żona l-ħamra.

Il-familja ta’ Rachel appellat biex titħalla tagħmel kwarantina d-dar, flimkien ma’ missierha, minħabba li tesperjenza ansjetà kif ukoll tiżviluppa mġiba diffiċli ħafna.

‘Filwaqt li l-Kummissjoni tirrispetta x-xogħol imwettaq mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, din teħtieġ li tikkunsidra ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-persuni b’diżabilità. Ma jistax ikollna one-size-fits-all approach fejn tidħol id-diżabilità,’ qalet il-Kummissarju Pace Gasan.

Il-familja mhumiex qed jitolbu li ma jobbligawx ir-regolamenti tal-kwarantina, iżda li Rachel u missierha jingħataw eżenzjoni biex ikunu jistgħu jagħmlu kwarantina fir-residenza tagħhom, filwaqt li jiġu ċċekkjati regolarment mill-uffiċjali tal-infurzar, kif inhu l-każ meta n-nies jintalbu għall-kwarantina d-dar.

‘Persuni b’diżabilità intellettwali jsibuha aktar diffiċli biex jifhmu għaliex qed jitpoġġew fi kwarantina f’post li mhumiex familjari miegħu, u jistgħu fil-fatt jinterpretawha bħala kastig,’ qalet il-Kummissarju.

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) ikkuntattjat lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika f’isem il-familja, u talbet eżenzjoni f’dan il-każ, ibbażata fuq id-diżabilità ta’ Rachel.

Skont l-Artikolu 5 (3) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet għal Persuni b’Diżabilità, li reċentement ġie traspost fil-Kapitolu 627 tal-Liġijiet ta’ Malta,’sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u jeliminaw id-diskriminazzjoni, l-Istati għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa biex jiġi żgurat li tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli’. ‘Akkomodazzjoni raġonevoli’ tirreferi għal ‘tibdil u aġġustamenti meħtieġa u xierqa li ma jimponux piż sproporzjonat jew żejjed, fejn meħtieġ f’każ partikolari, biex jiġi żgurat lil persuni b’diżabilità t-tgawdija jew l-eżerċizzju fuq bażi ugwali ma’ oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem kollha u libertajiet fundamentali’.

Il-Kummissjoni ilha tindika l-ħtieġa li d-deċiżjonijiet dwar is-saħħa pubblika jkunu aktar sfumati u li jikkunsidraw jew jagħmlu eżenzjonijiet għal persuni b’diżabilità. Is-CRPD bħalissa għaddejja b’kampanja ta’ għarfien ‘X’tghallimna mill-pandemija?’ dwar is-suġġett, b’sejbiet u rakkomandazzjonijiet, permezz tal-istejjer ta’ seba’ persuni b’diżabilità waqt il-pandemija COVID-19.