Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Għandna bżonn aktar politiċi b’diżabilità – Kummissarju tas-CRPD

Published 17 ta' April 2019

Malta teħtieġ iktar politiċi b’diżabilità peress li dawn jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jifhmu l-isfidi li jiffaċċjaw persuni b’diżabilità, qal il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna.

“Leħenna huwa l-aħjar rappreżentat direttament minn persuni b’diżabilità nfushom; niġġieldu mhux biss għad-diżabilitajiet tagħna stess imma għal dawk ta’ ħaddieħor,” qal il-Kummissarju.

“Nixtieq nara persuni b’diżabilità fil-parlament u strutturi ta’ tmexxija tal-partit; imbagħad naraw bidla fil-mentalità fis-settur u fis-soċjetà inġenerali.”

Ftit ġimgħat qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, il-Kummissarju ltaqa’ ma’ numru ta’ kandidati b’diżabilità li se jkunu qed joħorġu għall-elezzjoni fil-komunitajiet lokali tagħhom.

Marica Bayliss, Matthew Chetcuti, Matthew Giordimaina, Kevin Glynn u Clifford Portelli tkellmu dwar l-ostakli li jiffaċċjaw meta jmexxu l-kampanji politiċi tagħhom, partikolarment id-diffikultajiet biex jagħmlu żjarat fid-djar fl-irħula ta’ Malta. Minn postijiet u appartamenti mhux aċċessibbli għal attitudnijiet u preġudizzji patronizzanti u spejjeż akbar, il-kandidati ddiskutew l-isfidi komuni li jiffaċċjaw.

Forsi jista’ jitwaqqaf fond biex jikkumpensa wħud mill-ispejjeż żejda li jħallsu l-kandidati b’diżabilità u jippermettulhom jikkompetu fuq kundizzjonijiet aktar indaqs mal-kontropartijiet tagħhom mingħajr diżabilità, issuġġerixxa l-Kummissarju.

L-aċċessibilità kienet kwistjoni ewlenija, bil-biċċa l-kbira tal-kandidati jindikaw li anke l-bini tal-kunsill lokali spiss ma jkunx aċċessibbli.

Ġiet diskussa wkoll il-kwistjoni ta’ ħabib ta’ fiduċja li jista’ jgħin persuni b’diżabilità biex jivvutaw. Żieda fin-numru ta’ votanti b’diżabilità tista’ tirriżulta f’żieda fin-numru ta’ persuni b’diżabilità fil-politika. Forsi l-użu tat-teknoloġija jista’ jkun strumentali biex tingħeleb din il-kwistjoni partikolari.

Il-Kummissarju qal li hemm mill-inqas 18,000 persuna reġistrati mas-CRPD. Madankollu dan mhux rifless fir-rappreżentanza politika tal-pajjiż, u joħloq lakuna fir-rappreżentazzjoni tad-diversità fil-livell tal-komunità.

Ħafna mill-kandidati rrimarkaw li jgħixu d-diżabilità kuljum u li persuni b’diżabilità jsibuha aktar faċli biex ikellmuhom dwar id-diffikultajiet tagħhom mill-kontropartijiet tagħhom mingħajr diżabilità.

F’laqgħa li kienet tinvolvi partiti politiċi differenti, il-kandidati qablu li jżommu kuntatt u jagħmlu suġġerimenti lill-partiti rispettivi tagħhom biex jgħinu jippromwovu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.