Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Il-Kummissarju

Samantha Pace Gasan, li għandha 27 sena, iggradwat b’Baċellerat bl-Unuri fil-Politika Soċjali fl-2016 u riċentament b’Masters fil-Kreattività u l-Innovazzjoni. F’dan tal-aħħar, Samantha ffukat l-istudji tagħha fuq l-innovazzjoni soċjali fl-intrapriżi żgħar u medji f’pajjiżna.

Matul il-karriera tagħha, Samantha ħadmet f’diversi entitatjiet, inkluż MEUSAC fejn assistiet diversi għaqdiet sabiex jaċċessaw fondi Ewropej; u l-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta, fejn ħadmet bħala riċerkatur u koordinatur ta’ diversi proġetti bejn il-Fakultà u diversi entitajiet soċjali. Matul din is-sena, flimkien ma’ kollegi oħra, ħadmet fuq riċerka dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq il-persuni b’diżabiltà.

Samantha Pace Gasan bdiet il-mixja tagħħa fl-attiviżmu minn età żgħira. Kienet membru fil-Malta Girl Guides u f’għaqdiet mhux governattivi oħrajn. Fil-Malta Girl Guides hija kienet parti minn diversi kumitati, fosthom dak li jiffoka d-diversità u l-promozzjoni għad-drittijiet tal-minoritajiet. Eventwalment hija kienet ukoll parti mill-Bord Nazzjonali fejn kienet tirrappreżenta liż-żgħażagħ.

Samantha kienet ukoll parti mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fejn fost inizjattivi oħra ħadmet fuq proposti dwar is-saħħa sesswali taż-żgħażagħ; l-għaqda studenteska Studenti Ħarsien Soċjali; u kienet fundattriċi tal-għaqda Network of Young Women Leaders, li l-iskop primarju tagħha kien li tara tfajliet b’esperjenzi differenti jikbru f’mexxejja.

Bil-ħatra tas-Sa Pace Gasan, il-Gvern Malti bagħat messaġġ qawwi, li Malta tħares lejn il-kelma ‘diżabilità’ minn spettru wiesa’, f’konformità mat-tema tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ din is-sena, li mhux kull diżabilità hija viżibbli.

Fl-età ta’ 24 sena, is-Sa Samantha Pace Gasan instab li għandha marda rari u kellha nuqqas fil-vista inqas minn 3 snin wara. Hija esperjenzat is-settur tad-diżabilità minn perspettivi differenti hekk kif fl-2001 oħtha, Naomi Pace Gasan, twieldet bid-Down Syndrome. Għaldaqstant, is-Sa Pace Gasan tifhem ukoll il-perspettiva u tempatizza ma’ persuni b’diżabilità nfushom kif ukoll il-membri tal-familja.

Minkejja l-isfidi li ġġib magħha t-tranżizzjoni, is-Sa Pace Gasan tħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv, taċċetta d-diżabilità bħala parti mill-identità tagħha u tagħżel li tesplora modi li jippermettulha tkompli tgħix kwalità ta’ ħajja tajba.

Is-Sa Samantha Pace Gasan inħatret bħala t-tieni Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità fl-20 ta’ Jannar 2021.