Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

F’moħħi miktuba minn Mel McElhatton

Published 07 ta' Ottubru 2021

L-ikbar sfida bl-ADHD hija meta n-nies ma jemmnux li hija reali, jew li ma tkomplix sal-età adulta, jew jaħsbu li hija kkawżata minn nuqqas ta’ dixxiplina. Bħala parti mix-xahar tal-għarfien dwar l-ADHD, persuna bl-ADHD taqsam l-esperjenza tagħha.

 

Mel McElhatton ADHDOttubru huwa xahar speċjali għalija, mhux għaliex huwa x-xahar ta’ għeluq snini (fil-fatt mhux!), lanqas minħabba xi ġrajja partikolari f’ħajti. Dak li jagħmlu speċjali għalija huwa l-ADHD Awareness Month – ix-xahar dedikat biex iqajjem kuxjenza dwar attention deficit hyperactivity disorder (ADHD).

Ġejt dijanjostikat formalment bl-ADHD fl-età adulta tiegħi, is-sena wara li tlaqt mill-Università. Is-sinjali kienu dejjem hemm, kont distratt ħafna fid-dar u fl-iskola, tlift affarijiet kontinwament fl-iktar postijiet strambi, ma stajtx nipprijoritizza liema biċċa xogħol kienet iktar importanti minn oħra, u għamilt żbalji ta’ traskuraġni sempliċement għax l-attenzjoni tiegħi kienet fuq xi ħaġa oħra. Kien hemm aktar sinjali, imma jien mhux se niddejjaq b’dawk; madankollu, kbirt nemmen li jien għażżien u li ma kontx qed nilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħi minħabba l-għażż tiegħi stess. Allura meta fl-aħħar sibt id-dijanjosi fl-aħħar kelli kelma oħra għal din il-‘laziness ’, u kienet ‘ADHD’.

Waħda mill-ikbar lezzjonijiet tiegħi dwar l-ADHD mhix li hija defiċit ta’ attenzjoni (jew nuqqas ta’ attenzjoni), għax nista’ niffoka ħafna fuq l-affarijiet li nieħu gost nagħmel … imma l-ADHD hija pjuttost l-inkapaċità li nidderieġi l-attenzjoni għal xi ħaġa li hija meħtieġa jew importanti. Pereżempju, jekk int fuq ix-xogħol, u jkollok tagħmel xi ħaġa, jista’ jkun li ma tieħux pjaċir tagħmilha imma int xorta tagħmilha għax qallek il-boss. Jiena nipprokrastina u nagħmel xi ħaġa oħra, inkella nista’ niffoka fuq biċċa xogħol u nqatta’ l-ġurnata naħdem fuqha, ninsa tiekol … jew saħansitra nitlaq mix-xogħol. Din tissejjaħ disfunzjoni eżekuttiva, li hija sintomu inqas magħruf ta’ ADHD iżda xi ħaġa li taffettwana ħafna.

Disfunzjoni eżekuttiva hija diffikultà fl-ippjanar tal-passi li huma meħtieġa għal xi ħaġa, diffikultà fil-memorja tax-xogħol, u diffikultà fl-immaniġġjar u l-ipproċessar ta’ informazzjoni, fost affarijiet oħra. Dan ifisser li jekk ikolli żewġ biċċiet xogħol, ma nkunx naf liema passi huma meħtieġa  biex inlesti biċċa xogħol li għandi, u ma nkunx kapaċi nipprijoritizza liema biċċa xogħol hija iktar importanti minn oħra – sakemm ma jkollix deadline jew linja gwida biex insegwi.

ADHD awareness monthLi naf liema tikketta għandi għenitni ħafna, nista’ nsib tricks biex naħdem mad-dgħjufijiet tiegħi billi niffoka speċifikament fuq pariri li huma ‘ADHD-friendly’, billi pereżempju nħarbex xi ħaġa fuq karta waqt laqgħat, jew nippassiġġa meta nkun f’laqgħa , biex niffoka aħjar. Tgħallimt li l-ipproċessar tas-smigħ tiegħi huwa bil-mod, u għalhekk inġib permess biex nirreġistra ċerti laqgħat twal li huma importanti għalija biex nifhem. Madankollu, l-ikbar bidla li ħassejt kienet li nista’ nkun iktar ġentili lejja nnifsi. Minflok ma nsejjaħ lili nnifsi għażżien u mhux produttiv, jien konxju li hija l-ADHD tiegħi li ġġegħelni naġixxi jew nirreaġixxi b’ċertu mod, u li hemm xi ħaġa li nista’ nagħmel dwarha.

L-ikbar ostaklu tiegħi huwa meta n-nies ma jemmnux li l-ADHD hija reali, jew li ma tistax tkompli fl-età adulta, jew saħansitra jemmnu li l-ADHD hija kawżata minn nuqqas ta’ dixxiplina, aktar milli hija newrodiversità – hija litteralment differenza li għandi f’moħħi, twelidt biha, mhix maħluqa.

Is-sintomi u l-karatteristiċi tal-ADHD jistgħu jkunu kkawżati mill-ambjent ta’ dak li jkun, iżda l-ADHD innifisha hija differenza fil-moħħ, u huwa importanti ħafna li n-nies jaċċettaw dan. L-ADHD hija diżabilità inviżibbli, u n-nies li għandhom l-ADHD għandhom bżonn sapport biex jifhmu kif taffettwahom l-ADHD speċifika tagħhom, sabiex isibu modi kif jibdlu l-intoppi tagħhom f’qawwiet.