Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Disability Services: Do they work? Webinar

Date: 25 October 2021

Time: 10.00-12.00

Webinar biex iniedi studju ta’ riċerka mwettaq mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u kkummissjonat mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

59 fil-mija tal-persuni b’diżabilità jħossu li l-bżonnijiet huma milħuqa mis-servizzi attwali

Madwar 59 fil-mija tal-persuni b’diżabilità u/jew il-ġenituri/gwardjani tagħhom iħossu li l-bżonnijiet tagħhom qed jiġu milħuqa mill-provvista ta’ servizz attwali.

Is-sejba ssemmiet f’rapport ġdid ippubblikat mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD). L-istudju, ‘Disability service provision and persons with disability’, kien ikkummissjonat mis-CRPD u sar mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta.

‘Sabiex jgħixu ħajja aktar indipendenti u inklussiva, il-persuni b’diżabilità jeħtieġ li jagħmlu użu minn servizzi differenti. Filwaqt li saru passi kbar f’dawn l-aħħar snin, ridna nevalwaw u nassessjaw jekk is-servizzi disponibbli humiex jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-persuni b’diżabilità,’ qalet il-Kummissarju tas-CRPD Samantha Pace Gasan.

Iffukat fuq erba’ servizzi għall-adulti – Residential, Respite, Community, Assessment & Intervention – ir-rapport ħa approċċ imħallat għall-ġbir tad-dejta. Id-dejta minn persuni b’diżabilità u l-ġenituri u/jew il-gwardjani tagħhom inġabret permezz ta’ kwestjonarji onlajn u bit-telefown filwaqt li dejta minn fornituri ta’ servizzi, NGOs, DPOs u CRPD inġabret permezz ta’ intervisti.

Fost is-sejbiet ewlenin mill-kwestjonarji mal-ġenituri u/jew il-gwardjani kien hemm il-ħtieġa għal frekwenza aħjar tas-servizzi; xiri u investimenti aħjar f’teknoloġija ta’ assistenza aktar avvanzata u tagħmir użat waqt it-terapija; aktar għażliet ta’ trasport b’xejn u ħinijiet twal ta’ stennija.

Kwistjonijiet oħra msemmija kienu jinkludu appoġġ akbar għall-familji matul il-perjodu tas-sajf; aktar sapport finanzjarju għall-familji li jeħtieġu servizzi mhux provduti mill-istat; terapiji disponibbli f’Malta u Għawdex b’mod ugwali u r-rivalutazzjoni tal-iskema POYC biex tiżdied il-lista ta’ mediċini offruti u li tkun tinkludi l-kunsinna ta’ stock intitolat.

Fost il-kwistjonijiet imsemmija fl-intervisti kien hemm l-implimentazzjoni ta’ deinstitutionalization; ħinijiet twal ta’ stennija; u l-involviment tas-service providers fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Ir-rapport jinkludi wkoll għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq is-sejbiet. Dawn jinkludu l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità fis-servizzi; żieda fil-miżuri favur il-familja għas-service users; it-tisħiħ tas-servizzi bbażati fil-komunità; reviżjoni u tneħħija ta’ proċessi burokratiċi bla bżonn; żieda fil-promozzjoni ta’ informazzjoni dwar is-servizzi disponibbli; standardizzazzjoni bejn is-servizzi offruti f’Malta u Għawdex u l-infurzar tad-deinstitutionalization.

‘Valutazzjoni effettiva biex jiġu vvalutati u żviluppati servizzi ta’ diżabilità għandha tkun ibbażata fuq l-esperjenzi ta’ min juża s-servizz peress li huwa magħruf li jikkontribwixxi aħjar għat-titjib tas-servizzi,’ qalet Dr Clare Azzopardi Lane, deputat dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, li ffurmat ukoll parti mit-tim tar-riċerka.

‘Hemm lakuna fir-riċerka lokali dwar jekk is-servizzi tad-diżabilità humiex qed jaħdmu – dan l-istudju se jagħti ħarsa aħjar tas-sitwazzjoni preżenti f’Malta u Għawdex. Il-mili ta’ dan il-vojt ikun ta’ benefiċċju biex isiru rakkomandazzjonijiet ta’ policy li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu aħjar il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità.’

Disability Services: Do they work? Webinar Angharad Beckett

Angharad Beckett FRSA

Key Speaker

Prof. Angharad Beckett FRSA hija Professur tal-Political Sociology and Social Inclusion u Direttur konġunt taċ-Ċentru għall-Istudji dwar id-Diżabilità, l-Università ta’ Leeds, ir-Renju Unit. Ir-riċerka tagħha tiffoka fuq il-politika dwar id-diżabilità u l-ġustizzja soċjali. Hija wettqet ħidma fuq il-moviment tal-persuni b’diżabilità u l-prattiċi ta’ reżistenza tagħhom. Iżjed riċenti kienet qed tirriċerka fl-oqsma tal-edukazzjoni inklużiva u l-pedagoġija anti-bleist u d-drittijiet tal-bniedem tat-tfal b’diżabilità. Fl-2020 hija waqqfet l-International Journal of Disability and Social Justice, proġett ġdid u aċċessibbli li jirrifletti l-impenn tagħha li tappoġġja riċerka internazzjonali, interdixxiplinari u ta’ impatt f’dan il-qasam. Hija tmexxi l-Masters programme in Disability Studies fl-Università ta’ Leeds.

 

 

Disability Services: Do they work? Clayton Micallef

Mr. Clayton Micallef

Panelist

Clayton għandu Degree in Psychology u Postgraduate Diploma Studies in Mindfulness u huwa għalliem approvat mill-MBLC. Huwa wkoll sessional worker mal-University of Malta Health and Wellness Center, jgħallem kif il-mindfulness u l-meditazzjoni jistgħu jiġu applikati għall-benesseri ta’ dak li jkun. Bħalissa huwa qiegħed isegwi aġenda ta’ riċerka fil-prattiċi ta’ mindfulness u meditazzjoni wara PhD mal-Università ta’ Aberdeen li tħares lejn l-effetti ġenerali tal-mindfulness meditation u kif dawn jistgħu jinfluwenzaw il-benesseri kemm fuq spettru pożittiv kif ukoll negattiv u implikazzjonijiet relatati.

 

 

 

Disability Services: Do they work? Webinar Karen Buttigieg

 

Karen Buttigieg

Panelist

Ms. Karen Buttigieg hija ġenitur ta’ tifel b’diżabilità u promotur għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità permezz tar-rwol tagħha bħala viċi president tan-National Parents’ Society for Persons with Disability. Karen hija edukatur u riċerkatur fil-qasam tal-edukazzjoni u għalhekk għandha interess speċjali fi prattiċi edukattivi u inklużivi.

 

 

 

Disability Services: Do they work? Webinar Ms. Lorraine Polidano

 

Ms. Lorraine Polidano

Panelist

Ms. Lorraine Polidano hija Social Worker bi professjoni b’14-il sena esperjenza ta’ xogħol ma’ persuni b’diżabilità. Issa hija l-Manager of Community Services fi ħdan l-Aġenzija Sapport. Is-Servizzi tal-Komunità joffru sapport lil persuni b’diżabilità fil-komunità. Is-servizz jingħata individwalment lil service users biex jappoġġjawhom fl-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda, li jgħinuhom ikunu parteċipanti attivi fil-komunità. Numru ta’ professjonisti fi ħdan it-tim jiggwidaw lis-Support Workers sabiex jibqgħu kreattivi fl-inizjattivi meħuda, waqt li jżommu f’moħħhom il-ħtiġijiet u l-għanijiet tal-individwu.

 

 

Disability Services: Do they work? Webinar Keith Farrugia

Mr. Keith Farrugia

Panelist

Mr. Keith Farrugia, miżżewweġ għal 9 snin u missier ta’ żewġt itfal ta’ 7 u 5 snin, dan tal-aħħar għandu diżabilità. Keith se jingħaqad magħna bħala wieħed mill-membri tal-panel waqt il-webinar fil-25 ta’ Ottubru biex jaqsam l-esperjenzi tiegħu ta’ kif hu u martu jlaħħqu u jimmaniġġjaw iż-żewġ bżonnijiet tat-tfal tagħhom. Flimkien jippruvaw jagħtu l-aħjar kura u edukazzjoni possibbli lil binthom b’diżabilità imma bl-istess mod jiżguraw li binhom ma jitlifx mill-iżvilupp tiegħu stess fil-ħajja waqt li jitgħallmu aktar dwar il-ħtiġijiet ta’ oħtu.

Dikjarazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Dejta: Jekk jogħġbok kun infurmat li d-dejta tiegħek għandha tiġi proċessata mis-CRPD skont il-Leġiżlazzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Id-dejta tinġabar u tiġi proċessata biex tagħmel ir-reġistrazzjoni tiegħek għal dan l-avveniment u biex tagħmel l-arranġamenti meħtieġa, kif applikabbli. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ara l-policy tagħna dwar il-protezzjoni tad-dejta (https://www.crpd.org.mt/data-protection/).

Din id-dejta se tintrema wara perjodu ta’ 12-il xahar. Id-dejta tista’ tinqasam ma’ partijiet terzi biss għall-organizzazzjoni tal-webinar.