Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

COVID-19 – Il-miżuri tal-iskola ma jistgħux ikunu għad-detriment ta’ studenti b’diżabilità – CRPD

Published 07 ta' Ottubru 2020

Il-miżuri tal-iskola b’rabta ma’ COVID-19 ma jistgħux jiġu provduti għad-detriment ta’ studenti b’diżabilità jew dawk li jeħtieġu sapport speċifiku, qal il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna.

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) ġiet innotifikata li numru ta’ għalliema li jipprovdu servizzi speċifiċi, bħal għalliema għal persuni neqsin mid-dawl u mis-smigħ, servizzi ta’ intervent bikri, kif ukoll servizzi importanti oħra li qed jiġu pprovduti min-National School Support Services (NSSS), se jieqfu jipprovdu dawn is-servizzi minħabba kwistjonijiet operattivi u loġistiċi ta’ COVID-19.

Il-Kummissjoni ġiet infurmata li dawn l-għalliema minflok se jkunu qed jgħinu fl-edukazzjoni mainstream  minħabba li l-klassijiet se jiċċekknu u li għalhekk jeħtieġu aktar għalliema.

“Filwaqt li tifhem u tapprezza li s-sitwazzjoni attwali teħtieġ miżuri straordinarji, m’għandhiex tkun għad-detriment ta’ studenti b’diżabilità jew dawk li jeħtieġu sapport speċifiku,” qal il-Kummissarju.

“Servizzi bħal dawn ma jistgħux jitqiesu bħala servizzi sekondarji iżda bħala mekkaniżmi essenzjali għal studenti partikolari. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli biex jevalwaw mill-ġdid is-sitwazzjoni biex jipprovdu s-sapport meħtieġ lill-istudenti kollha tagħha, kif inhu d-dritt tagħhom. ”

Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet biex MA TINKLUDIX għalliema li qed jipprovdu s-servizzi fi ħdan l-NSSS, biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ għalliema fl-iskejjel mainstream.

Is-CRPD hija impenjata li tagħmel lis-soċjetà Maltija waħda inklużiva, b’mod li persuni b’diżabilità jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-aspetti kollha tal-ħajja, u jgawdu kwalità ta’ ħajja għolja grazzi għal opportunitajiet indaqs.

Fit-twettiq ta’ din il-missjoni, is-CRPD taħdem sabiex telimina kull forma ta’ diskriminazzjoni soċjali diretta jew indiretta kontra persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom filwaqt li tipprovdihom l-għajnuna u s-sapport meħtieġ.