Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

ĊaVetta għall-Futur Project

Video Curriculum Vitae ta’ Persuni b’Diżabilità Intellettwali

Il-proġett jikkonsisti f’10 video CVs li juru l-kapaċitajiet u l-potenzjal ta’ 10 persuni b’diżabilità intellettwali.

L-għan tal-proġett huwa li jisfida l-perċezzjonijiet żbaljati dwar in-nuqqas ta’ abbiltajiet f’persuni b’diżabilità intellettwali, partikolarment fejn jidħol ix-xogħol.

Dawn il-video CVs se jintużaw bħala parti minn pakkett ta’ riżorsi onlajn li huwa disponibbli fuq il-YouTube channel tal-Università ta’ Malta u li juri l-potenzjal tagħhom, u joħloq riżors għal min iħaddem u professjonisti varji biex japprezzaw il-kapaċitajiet ta’ persuni b’diżabilità intellettwali kif ukoll għal akkademiċi u studenti biex jużawhom għat-tagħlim u r-riċerka.

‘Meta tarahom flimkien, dawn il-filmati juru kif persuni b’diżabilità intellettwali għandhom kontribut importanti x’jagħtu lis-soċjetà,’ qalet il-Kummissarju tas-CRPD Samantha Pace Gasan.

Il-parteċipanti ntagħżlu wara sejħa miftuħa u jirrappreżentaw numru ta’ kundizzjonijiet kif ukoll sfondi soċjali, abbiltajiet, sess u gruppi ta’ età.

Il-filmati juru kummenti mill-employers tal-parteċipanti, job coaches, kollegi, terapisti, social workers u persuni oħra li jaħdmu magħhom. Huma juru li persuni b’diżabilità intellettwali ħafna drabi jġibu wkoll ħiliet u abbiltajiet siewja fuq il-post tax-xogħol, bħal determinazzjoni, puntwalità, kreattività, ħidma f’tim u xewqa li jitgħallmu.

Il-filmati juru wkoll kif ix-xogħol jingħata ħafna valur u importanza minn persuni b’diżabilità intellettwali li jitkellmu dwar l-importanza li jkollok salarju u li tagħmel ħbieb iżda wkoll iħarsu lejn l-impjieg bħala ċ-ċavetta għal għajxien indipendenti u opportunitajiet ġodda.

‘Dan il-proġett jimxi id f’id mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbilta’ li l-Gvern nieda ġimgħa ilu. Ix-xogħol hu wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ din l-istrateġija u dan il-proġett qed isaħħaħ il-ħidma f’dan is-sens,’ qalet Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalita’ tal-Ħajja.

‘Wieħed mill-iktar aspetti importanti ta’ dan il-proġett huwa li juri li meta jingħataw servizzi ta’ sapport, persuni b’diżabilità intellettwali jistgħu jagħtu ħafna lura, meta jibdew jaħdmu b’mod indipendenti,’ sostniet il-Ministru.

Il-proġett huwa kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, l-Università ta’ Malta u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CPRD). It-tim tar-riċerka kien magħmul minn Dr Anne-Marie Callus, senior lecturer fid-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità, Isabel Bonello u Cristina Grech, żewġ persuni b’esperjenza ta’ diżabilità intellettwali u Sandra Borg, Communications Manager fis-CRPD.

‘Kull filmat jirrakkonta storja, li turi li, wara l-policies u l-istatistika, fl-aħħar mill-aħħar qed nitkellmu dwar persuni li għandhom potenzjal, talenti u aspirazzjonijiet,’ qalet Dr Anne-Marie Callus, li mexxiet il-proġett.

Benjamin jaħdem fid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ta’ Farsons PLC. Hu wkoll membru tal-Equal Partners Foundation.

 

Denise taħdem ma’ Loqus PLC, fl-uffiċju. Hi wkoll attriċi ma’ Opening Doors u taħdem il-fuħħar.

 

 

Daniel għamel numru ta’ korsijiet ta’ taħriġ u placements vokazzjonali. Hu jixtieq jaħdem f’uffiċju.

 

 

Omar jaħdem ma’ Outlook Coop. Hu jagħmel diversi tipi ta’ xogħol fl-uffiċċju tal-Outlook u fir-servizz ta’ printjar tal-kumpanija.

 

 

Gabriella tgħix id-Dar tal-Providenza. Hi tgħin fil-Bazaar u fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor u tgħin ukoll il-careworkers fil-flat tagħha. Hi tieħu wkoll sehem fi drammi mtellgħa mid-Dar tal-Providenza.

 

 

Gareth jaħdem mal-Hotset Ltd, fejn jagħmel xogħol fuq wires. Hu wkoll ċiklist u jikkompeti mas-Special Olympics. U hu jdoqq id-drums mal-Opening Doors.

 

 

Maria taħdem fil-kċina ta’ Roseville. Hi wkoll żeffiena ma’ Opening Doors.

 

 

 

Mary Lou taħdem mal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, fejn tagħmel diversi tipi ta’ xogħol. Hi taf ħafna n-knitting u l-bizzilla.

 

 

 

Rosie taħdem fil-laundry tal-Lukanda Hilton. Hi tħobb l-annimali u tagħmel cards li tbigħhom u tagħti l-flus lill-Island Sanctuary.

 

 

 

Maris kienet cleaner fl-Iskola Primarja tal-Birgu. Hi tixtieq issib xogħol ta’ cleaner. Hi tattendi ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport fil-Cottonera. Hi taf ħafna n-knitting u tagħmel il-crafts.