Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Skip Navigation

Andrew Paul Buttigieg – Il-Ħajja bil-Multiple Sclerosis

Published 27 ta' Mejju 2021

 

Family photo, including Mr. Andrew Paul Buttigieg, his wife, and two young boys

Jisimni Andrew Paul Buttigieg, għandi 36 sena u ġejt iddijanjostikat bil-MS f’Ġunju 2017.

Beda jkolli sintomi f’Mejju u dawn affettwaw l-aktar il-bilanċ tiegħi. Wara li żort lit-tabib tal- familja tiegħi, huwa avżani biex nieħu xi pilloli għall-bilanċ iżda, wara tliet ġimgħat, mort għall-agħar u n-naħa tal-lemin ta’ ġismi ma kienx qed jaħdem sew. Ma stajtx nimxi sewwa u l-id il-leminija tiegħi ma bdejtx inħossha. Jien kont naf li xi ħaġa ma kinitx tajba allura erġajt żort lit-tabib tiegħi u hu tani parir biex nieħu MRI.

Ir-riżultati tal-MRI ma kinux promettenti peress li kelli leżjonijiet f’moħħi u f’dahri li kienu kkawżati mill-kundizzjoni. It-tip ta’ MS li ġejt dijanjostikat biha hija magħrufa bħala relapsing-remitting Multiple Sclerosis (RMMS) meta jkollok attakki (relapses) li jistgħu jaffettwawk b’mod permanenti jew temporanju. Bħalissa, is-sintomi li qed jaffettwawni l-aktar jinkludu saħħa limitata, tnemnim fis-swaba’, diffikultà fil-mixi u tibdil fil-burdata.

S’issa, m’hemm l-ebda kura għal din il-kundizzjoni iżda hemm trattamenti li jistgħu jnaqqsu l-proċess ta’ deterjorament/jimminimizzaw ir-relapses. Min-naħa tiegħi, ippruvajt tliet tipi differenti ta’ terapiji u biddilt id-dieta tiegħi għal waħda aktar b’saħħitha (mingħajr ħalib u mingħajr qamħ), bit-tama li tnaqqas ir-rikaduti tal-MS.

Jien missier ta’ żewġ subien sbieħ u xi drabi ma jkollix biżżejjed saħħa biex naħsilhom jew inġorrhom u s-swaba’ tant ikollhom tnemnim u mingħajr saħħa li nsibha diffiċli biex inlibbishom. Naħdem fl-IT u l-MS affettwaw l-operazzjonijiet prattiċi tiegħi; madankollu, s’issa, qed nittrattaha pjuttost tajjeb. Min iħaddimni jaf dwar il-kundizzjoni tiegħi u jieħu ħsieb sew il-bżonnijiet tiegħi. Marti kienet meqruda meta saret taf dwarha u dan affettwa ħajjitha drastikament, peress li jien pjuttost limitat biex ngħinha d-dar.

Jien persuna pożittiva ħafna imma din il-kundizzjoni għamlitni pjuttost nervuż hekk kif nipprova nlesti xi ħaġa jew nagħmel fiżikament xi ħaġa li tieħu minuti, imma teħodli sigħat, għax għandi bżonn nimbotta lili nnifsi biex nagħmilha u dan jaffettwa wkoll lil kulħadd madwari .

Nirringrazzja lil Alla talli kelli lil marti u l-familja li jgħinuni meta jkun hemm bżonn għax mingħajrhom ma narax il-ħajja bħala ħajja pożittiva b’din il-kundizzjoni.